Il-Gvern jikteb lill-Ispiker biex jittieħdu passi kontra l-Kummissarju għall-Edukazzjoni

Il-Gvern qed jitlob lill-Ispiker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, biex jitkellem mal-Ombudsman u jittieħdu passi kontra l-Kummissarju għall-Edukazzjoni wara kummenti deskritti “sessisti.”
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, kitbet lill-Ispiker wara li artiklu li l-Kummissarju għall-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez, li fih jitkellem dwar “id-difetti” tan-nisa, qajjem diskussjoni sħiħa.
Fl-ittra, il-Ministru Dalli saħqet li l-persuni f’karigi pubbliċi huma mistenija li jkunu ta’ eżempju għas-soċjetà u b’għemilhom għandhom jippromovu l-libertà u l-ugwaljanza.
Il-Gvern jinnota li dak li kiteb il-Kummissarju għall-Edukazzjoni jinkludi lingwaġġ u sterjotipi li jmorru kontra l-protezzjoni minn diskriminazzjoni stabbiliti anke fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż.
Ġaladarba l-Ombudsman huwa wkoll uffiċjal tal-Parlament, il-Gvern dehrlu li għandu jikteb lill-Ispiker biex iqajjem dan il-każ mal-istess Uffiċċju biex “jittieħdu l-miżuri li jirriżultaw xierqa.”
Aktar kmieni llum, anke l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, filwaqt li ma għamlet l-ebda referenza għall-Kummissjoni Caruana Carabez, saħqet li ma hemmx post għal diskors sessist f’soċjetà demokratika.
Jumejn ilu, il-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa sejħet għar-riżenja tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni.
Intant fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Ispiker ingħad kif l-Ispiker għadda l-ittra lill-Ombudsman
Ġie spjegat li din hija l-prassi li tiġi segwita kull meta l-Uffiċċju jirċievi korrispondenza li tirrigwarda kwistjoni li tkun taqa’ taħt xi wieħed miż-żewġ uffiċjali tal-Parlament, jiġifieri l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali, fejn l-ewwel titlob għar-reazzjoni tal-istess uffiċjali fir-rispett sħiħ lejn l-awtonomija tal-uffiċċju tagħhom.

Aqra l-ittra sħiħa hawn taħt: