Il-Gvern jikri mill-privat għall-akkomodazzjoni soċjali; “L-iskema bdiet fl- 2012” – PN

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali nieda skema li permezz tagħha l-Awtorità tad-Djar se tkun tista’ tikri residenzi mill-privat u tikrihom lura b’mod sussidjat lil dawk li qegħdin fil-lista tal-istennija għall-akkomodazzjoni affordabbli. F'reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalista faħħar l-introduzzjoni mill-ġdid ta' din l-iskema iżda fakkar li kien il-Gvern Laburista stess li waqqafha, wara li kienet diġà teżisti.
L-Iskema tal-Gvern
Bi “Skema Kiri,” l-Awtorità tad-Djar se tkun qed timmira li tkabbar il-lista tal-binjiet disponibbli u tkun tista’ tgħin aktar nies f’akkomodazzjoni affordabbli. 
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega li din se jkun qed tapplika għal sidien ta’ residenzi fi stat finished jew shell, u bil-permessi ta’ pjanar approvati.
Postijiet li għadhom fuq il-karta iżda approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar  huma eleġibbli li japplikaw, sakemm dawn jgħaddu lill-Awtorità tad-Djar lesti minn kollox.
Spjega wkoll li min se jikri lill-gvern se jkollu garanzija ta’ pagament għal għaxar snin u d-dħul minn residenzi mikrija taħt din l-iskema se jkun eżentat mit-taxxa
Lista dettaljata tal-kundizzjonijiet kollha hi aċċessibbli mis-sit housingauthority.gov.mt.
L-applikazzjonijiet jistgħu jibdew jinġabru mill-1 ta’ Settembru 2017 mill-uffiċċji tal-Awtorità tad-Djar fil-Furjana.
“Din l-iskema bdiet fl-2012” – PN
Il-PN ikkritika lill-Gvern talli wera nuqqas ta' strateġija u viżjoni wara li twaqqfet l-Iskema Kiri li bdiet fl-2012 taħt Gvern Nazzjonalista.
L-istqarrija tal-PN qalet li l-Oppożizzjoni Laburista kellha kritika qawwija għal din l-iskema, tant li waħda mill-ewwel aġiri tal-Gvern Laburista wara r-rebħa tat-2013, kienet li neħħa din l-iskema.
Il-PN kompla jallega li peress li l-problema tal-housing żdiedet f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern ma kellux għażla oħra għajr li jerġa’ jniedi l-iskema.
Il-PN appella biex il-Gvern jispjega l-fatti u mhux jidħak bin-nies.