Il-Gvern jikkunsidra kunċert ad unur Daphne

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Gvern se jpoġġi għall-kunsiderazzjoni l-proposta li l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ttella’ kunċert ad unur il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru Bonnici qal dan fil-Parlament fi tweġiba parlamentari għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Dr Azzopardi staqsa jekk il-Ministru jikkunsidrax li l-Orkestra ttella’ kunċert li jikkommemora l-ħajja u x-xogħol tal-ġurnalista maqtula, fid-dawl tal-fatt li fi Frar se ttella’ kunċert ta’ mużika favorita tal-Prim Ministru.

L-istess Deputat staqsa wkoll lill-Ministru Bonnici jekk l-istess Orkestra hux se tilqa’ sejħiet għal kunċerti li fihom iddoqq il-mużika favorita ta’ kulmin iwieġeb tali sejħiet. Għal dan il-Ministru wieġeb li l-Orkestra għandha tim artistiku li jiddeċiedi fuq il-programm ta’ kunċerti li se tkun involuta fihom.