“Il-Gvern jikkunsidra jarmi t-terrapien fil-baħar minflok iħallas prezz kummerċjali”

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li l-Gvern qed jikkunsidra li jarmi t-terrapien fil-baħar minflok iħallas prezz kummerċjali biex jitfgħu fil-barrieri. Minn naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li dan jikkuntrasta dak li ntqal il-ġimgħa li għaddiet minn Infrastruttura Malta, li spazji fil-barrieri għar-rimi tat-terrapien jeżisti iżda l-prezzijiet li qed jintalbu huma prezzijiet kummerċjali.

Meta kien qed jirrispondi numru ta’ mistoqsijiet supplimentari, Farrugia qal li kulħadd jaqbel li madwar il-pajjiż jeżistu numru ta’ barrieri li jifilħu terrapien li joħroġ mill-bini tat-toroq. Huwa qal li l-permessi biex jintradam l-iskart industrijali fil-baħar diġà jeżistu. Farrugia stqarr li kieku ma tkunx l-ewwel darba li jkun sar dan peress li fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, it-terrapien kollu li ħareġ minn Smart City intrema’ fil-baħar.

Huwa qal li l-Ministru preċedenti (Josè Herrera) kien innegozja l-prezz ta’ €8 għal kull tomna flimkien ma’ inċentivi fiskali għal min jopera dawn il-barrieri, madanakollu dak il-ftehim ma daħalx fis-seħħ.

Dwar l-estensjoni tal-proġett tal-Magħtab, Farrugia qal li l-pjanijiet il-ġodda għandhom l-approvazzjoni tal-kunsill lokali tan-Naxxar immexxi mill-Partit Nazzjonalista. Din l-istqarrija ġiet kuntrastata mid-deputati Nazzjonalisti Robert Cutajar u Claudette Buttiġieġ. Il-Ministru qal li l-kunsill lokali tan-Naxxar jaqbel li l-proġett jitnaqqas minn 279,000sqm għal 82,000sqm u l-iskart jinbidel f’riżors u ma jibqax jintradam fl-Għallies.