Il-Gvern jikkonferma li xtara ventilators miċ-Ċina u l-Ewropa

Beppe Galea

Read in English.

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-gvern laħaq ftehim permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti, biex jixtri 22 ventilators għall-ITU minn kumpanija magħrufa Ċiniża.

Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat li l-kumpanija Ċiniża għandha reputazzjoni tajba u li l-istandard tal-kwalità hija ekwivalenti għal ta’ dawk li jimmanifatturaw il-ventilators fl-Ewropa. Intant il-gvern xtara wkoll numru ta’ ventilators mill-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa wara rapporti internazzjonali li 250 ventilators li nbigħu miċ-Ċina lir-Renju Unit ma baqgħux jintużaw għax it-tobba bdew jibżgħu li setgħu joqtlu lill-pazjenti. Skont dettalji żvelati mill-midja Brittannika l-ventilators li xtraw mis-servizzi tas-saħħa Ingliżi ma kinux tajbin biżżejjed biex jintużaw fi sptarijiet u setgħu joħolqu periklu kbir lill-pazjenti.

Fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministeru spjega li fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu kkonferma li se jixtri 37 ventilator ġdid għal Malta. 39 ventilator minn 87 diġà jinsabu f’Malta.

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li n-numru totali ta’ ventilators li bħalissa jinsabu disponibbli fl-Isptar Mater Dei huwa ta’ 93 u mistennija jaslu aktar fil-ġimgħat li ġejjin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn