Konferma li s-servizz ta’ priority boarding ikun bi ħlas differenti

Il-Gvern ikkonferma li servizz ta’ priority boarding fuq il-vapuri tal-Gozo Channel ikun bi ħlas differenti minn dak tan-nollijiet tal-lum.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-deputat Nazzjonalista Chris Said, dwar l-istudju tal-kumpanija PriceWaterhouseCoopers (PWC), qal li “s-servizz tal-priority boarding ikun servizz ġdid b’nollijiet differenti minn dawk normali. In-nollijiet normali jibqgħu l-istess”.

Spjega li l-istudju tal-PWC tlesta u sewa €9,500. Dan sar fost numru ta’ passiġġiera li jagħmlu użu frekwenti mis-servizz bejn Malta u Għawdex inkluż ħaddiema, gradwati u studenti. L-għan tal-istudju hu biex jiġi determinat il-livell ta’ domanda għas-servizz ta’ priority boarding.

Fi tweġiba għal mistoqsija separata, Anton Refalo spjega li l-Gozo Channel baqgħet tuża l-istess policy dwar priority boarding għal dawn l-aħħar 25 sena.
Priority boarding jingħata lil dawn il-persuni l-ħin kollu: lill-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, l-Arċisqof ta’ Malta, il-Prim Imħallef, l-Ispeaker tal-Parlament, il-Ministri u Segretarji Parlamentari, il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-eks Presidenti tar-Repubblika, l-ex Prim Ministri, l-Isqof t’Għawdex, l-Isqof Awżiljarju, il-Membri Parlamentari għal Għawdex, il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kmandant tal-Forzi Armati, l-Assistent Kummissarju, is-Supretendent tal-Pulizija għal Għawdex, iċ-Chairman u d-Diretturi tal-Gozo Channel, il-General Manager, Segretarja, Kapijiet tad-Dipartimenti u l-Awditur Intern tal-istess kumpanija, l-Imħallfin u l-Maġistrati, delegazzjonijiet uffiċjali tal-Gvern, vetturi tal-Ministeru għal Għawdex, vetturi u ambulanzi tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fire engines, vetturi tal-Malta Dairy Products, vetturi li jkunu qed jittrasportaw materja prima u/jew prodotti lesti minn jew lejn fabbriki f’Għawdex, vetturi tal-Maltapost meta jittrasportaw il-posta u vetturi li jingħataw preċedenza għal raġunijiet umanitarji.

Ma’ dawn hemm ukoll, ambaxxaturi akkreditati għal Malta meta jivvjaġġaw bil-bandiera, Membri Parlamentari fuq xogħol uffċċjali f’Għawdex u ħaddiema tal-Gozo Channel meta jkunu fuq xogħol.

Il-kumpanija għandha wkoll policy dwar passes għal vjaġġar b’xejn, li minbarra l-uffiċjali li huma intitolati għal priority boarding, jinkludu wkoll lis-Sindki tal-lokalitajiet kollha ta’ Għawdex, liċ-Chairmen u Kapijiet Eżekuttivi ta’ awtoritajiet u kumpaniji parastatali, uffiċjali tal-Union Ħaddiema Magħqudin, operaturi li qed iservu lil Gozo Channel, il-mara jew ir-raġel tad-diretturi u tal-ħaddiema.