Il-Gvern jikkonferma li se jerġa’ jiftaħ żona fil-miżbla tal-Qortin

Il-Gvern ikkonferma li f’Għawdex se jerġa’ jiftaħ żona fil-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra. Kelliem għall-Ministeru għall-Ambjent u l-Viċi Sindku tax-Xagħra t-tnejn ikkonfermaw li nħareġ il-permess biex il-kumpanija tal-immaniġjar tal-iskart tagħmel użu miż-żona li tinsab fl-entratura tal-miżbla tal-Qortin biex tpoġġi l-iskart żejjed mis-sit f’Tal-Kus fix-Xewkija. Din l-aħbar esklussiva ġiet żvelata fl-aħħar jiem fuq Newsbook.com.mt.

AQRA: Se terġa’ tinfetaħ il-miżbla tal-Qortin f’Għawdex

Għalkemm il-Ministeru għall-Ambjent qal li l-miżbla tal-Qortin hija magħluqa u “m’hemm l-ebda pjan li din terġa tinfetaħ”, ma’ Newsbook.com.mt, il-kelliem ikkonferma li “żona ristretta tintuża fuq bażi temporanja biex il-WasteServ taħżen skart elettroniku sakemm dan jiġi mmaniġġjat skont ir-regolamenti ambjentali”. Minkejja mistoqsijiet minn Newsbook.com.mt xi tfisser li l-iskart jiġi mmaniġjat, il-kelliem ma weġibx sakemm dan l-artiklu ġie ppubblikat.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll meta se jinfetaħ il-park rikreattiv għall-familji fl-istess żona li ilu mwiegħed minn meta ngħalqet il-miżbla fl-2004. Aktar kmieni din is-sena fil-Parlament, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li l-park għandu jinfetaħ għall-pubbliku sal-aħħar ta’ din is-sena. Skont mappa li ntbagħtet mill-kelliem għall-Ministru Herrera, s-sit approvat biex il-WasteServ taħżen l-iskart se jkun fl-entratura taż-żona fejn se jsir il-park.

Il-Viċi Sindku Laburista tax-Xagħra Christian Zammit ikkonferma wkoll li l-miżbla se terġa’ tibda tilqa’ l-iskart fuq bażi temporanja. Fuq Facebook huwa qal li fil-post se jiġu “stivati xi oġġetti bħal washing machines u fridges”. Minkejja dan huwa qal li “assolutament mhux veru li se terġa’ tiftaħ il-miżbla”.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsillier Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li minkejja li l-Ministeru għall-Ambjent wiegħed lill-Kunsill Lokali li kien se jorganizza site visit għal Kunsill f’Settembru li għadda, l-ebda informazzjoni ma ngħatilhom u lanqas seħħ dan is-site visit. Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, Cutajar qal li ilu għal dawn l-aħħar xhur jistaqsi lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tar-rijabilitazzjoni iżda l-unika risposta kienet li l-Kunsill kien se jitlob din l-informazzjoni mingħand il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ.

Resident mix-Xagħra li għamel kuntatt ma’ Newsbook.com.mt qal li minħabba l-ftuħ ta’ din il-miżbla, ix-Xagħra se terġa’ tibda tara trakkijiet ġejjin u sejrin biż-żibel biex jitpoġġew fil-Qortin. Huwa qal li għalkemm il-permess ingħata għal żmien temporanju, iż-żona approvata hija l-iktar waħda qrib ir-residenti tal-madwar.

Il-miżbla tal-Qortin matul iż-żmien…