Il-Gvern jikkonferma li ntalab iktar informazzjoni dwar il-Baġit

Il-Ministeru tal-Finanzi kkonferma li l-Kummissjoni Ewropea talbet iktar informazzjoni lill-Gvern Malti b’rabta mal-Baġit imħejji għas-sena d-dieħla.
Malta ppreżentat abbozz tal-Baġit lill-Kummissjoni Ewropea nhar l-Erbgħa 15 t’Ottubru.
Skont il-Gvern, din hi proċedura normali u anke s-sena li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea talbet iktar informazzjoni minn Malta.
Il-Ministeru tal-Finanzi qal li jinsab ċert li bl-informazzjoni li se tagħti Malta, il-proċess marbut mal-Baġit jiġi konkluż b’mod pożittiv.
B’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma jistax jitwemmen.
Ilbieraħ ħareġ stqarrija jgħid li ma kienx jaf li l-Kummissjoni Ewropea se titlob bidliet fil-Baġit tal-Gvern Malti u 24 siegħa wara, il-Ministru kkonferma li l-Kummissjoni Ewropea ġibditlu l-attenzjoni u talbitu biex jagħmel bidliet.
Il-PN sostna li Edward Scicluna, bħal Joseph Muscat, ma jistax jitwemmen.