Il-Gvern jikkonferma li kien innomina lil Mercieca għal Prosekutur Ewropew

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ikkonferma fil-Parlament li l-Gvern kien innomina lill-Avukat Charles Mercieca, li wara talab investigazzjoni dwaru, għall-pożizzjoni ta’ prosekutur fl-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Zammit Lewis qal li l-Avukat Charles Mercieca kien wieħed minn tliet kandidati li tressqu mill-Gvern għal prosekutur fl-uffiċċju Ewropew.

Il-Ministru għall-Ġustizzja ħatar lill-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi sabiex imexxi inkjesta indipendenti wara li l-Avukat Mercieca, li kien impjegat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rriżejna mill-impjieg tiegħu u l-għada tar-riżenja tiegħu beda jiddefendi lin-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru ddefenda din in-nomina billi qal li dan sar skont il-kriterji msemmija fir-Regolament Ewropew u wara li saret sejħa pubblika. Huwa qal li dawn in-nomini ġew ikkomunikati lis-sedja tal-kumitat tas-selezzjoni fit-30 t’Ottubru tas-sena l-oħra wara li nħarġu żewġ sejħiet pubbliċi.

Il-Ministru qal li Mercieca kien irċieva l-warrant fil-11 ta’ Marzu tal-2018, jiġifieri sena u nofs qabel ma ġie nnominat għall-pożizzjoni ta’ prosekutur Ewropew.

F’aġġornament, Azzopardi kien ikkritika lill-Gvern u qal li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tefa’ ‘l barra n-nomina tal-Avukat Mercieca biex iservi fi ħdan l-Uffiċċju Ewropew għax lanqas kellu sena sħiħa esperjenza f’dan il-qasam u kien trainee fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.