Il-Gvern jikkonferma li Bocelli kanta f’Malta kif żvela Newsbook

Andrea Bocelli Julia Farrugia Portelli
MTCP

Read in English.

Il-Gvern dalgħodu kkonferma li t-tenur Andrea Bocelli kanta f’Malta, kif żvela Newsbook.com.mt nhar it-Tlieta li għadda. It-tenur ta’ fama internazzjonali għażel lil Malta bħala l-bażi ewlenija tal-proġett ġdid tiegħu.

Dan il-proġett ġie kkordinat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

B’kollaborazzjoni mal-Mediterranean Tourism Foundation u l-MTA, it-tenur Andrea Bocelli għażel xeni minn diversi postijiet madwar Malta biex ikunu parti minn dan il-proġett li se jitnieda uffiċjalment ftit ġimgħat oħra.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli laqgħet lit-tenur Andrea Bocelli u qalet li dan il-proġett hu wieħed li jfisser ħafna għal Malta bħala l-aqwa vetrina fuq livell turistiku u kulturali.

Il-Ministru Farrugia Portelli, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, ippreżentat lit-tenur bir-rikonoxximent ‘Distinguished Friend of Malta’. Dan ir-rikonoxximent ingħata lil Bocelli għall-kontribuzzjoni tiegħu fil-promozzjoni tal-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni ideali għal btala, u li fl-irwol tiegħu ta’ tenur li għandu jinfluwenza lil oħrajn biex jiskopru l-Gżejjer Maltin.

Matul iż-żjara ta’ tlett ijiem f’Malta, Andrea Bocelli kien akkumpanjat minn martu Veronica u t-tifla tagħhom Virginia.

Wara li Newsbook.com.mt ippubblika l-istorja nhar it-Tlieta li għadda, saret pressjoni biex nirtiraw l-istorja.