Il-gvern jikkommetti ruħu biex it-turiżmu jimxi mingħajr skossi

Fl-ewwel laqgħa mal-Assoċċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti l-MHRA, il-Ministru tat-Turiżmu Karmenu Vella qal li l-gvern se jqis li s-settur turistiku jibqa’ miexi mingħajr skossi żejda.

Il-Ministru qal li l-gvern se jkun qed jisma’ s-suġġerimenti mingħand dawk li jaħdmu f’dan il-qasam biex it-turiżmu jkompli jikber u jitjieb.

Qal li ċ-ċifri pożittivi jridu jissarfu fi profitti għall-industrija biex jerġa’ jiżdied l-investiment, jitjieb il-prodott u jinħolqu iktar impjiegi.

Il-Ministru kompla jgħid li l-qasam tal-avjazzjoni se jingħata iktar importanza u attenzjoni. Sostna li kull min b’xi mod għandu x’jaqsam mat-turiżmu, għandu jaħdem flimkien.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA, Tony Zahra semma li fost il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur turistiku hemm it-tariffi tad-dawl u l-ilma, it-tnaqqis tal-VAT fuq it-turiżmu minn sebgħa fil-mija għal ħamsa fil-mija u żieda fit-turisti fix-xhur tax-xitwa.