Il-Gvern jiffirma ftehim ta’ tliet snin ma’ Inspire

Il-Gvern intrabat li jagħti s-somma ta’ €840,000 kull sena lill-Fondazzjoni Inspire biex tagħti servizzi lil persuni bi bżonnijiet speċjali.

Dan il-ftehim hu għal perjodu ta’ tliet snin u kull sena l-ammont ta’ flus lil Inspire jiżdied b’5%.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li ilu snin jaħdem b’mod dirett mal-Inspire li toffri programmi u servizzi speċjalizzati għal tfal u żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali.

Dan il-ftehim jibni fuq ftehim ieħor li diġà kien hemm biex ikun żgurat li aktar studenti jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.

Studenti jistgħu jibbenefikaw minn dan il-ftehim sa minn età żgħira sakemm idumu fl-edukazzjoni obbligatorja.