Ftehim ta’ €320 miljun maċ-Ċina dwar l-enerġija

Il-Gvern Malti ffirma ftehim mal-Korporazzjoni China Power Investments dwar investiment ta €320 miljun fil-Korporazzjoni Enemalta. 

Permezz ta' dan il-ftehim, il-Korporazzjoni Ċiniża se tkun qed tinvesti fl-Enemalta bil-kumpanija sussidjarja Shangai Power Electric fil-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku. 

Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Ċermen tal-Korporazzjoni Enemalta Charles Mangion u ċ-Ċermen tal-Bord tad-Diretturi tax-Shangai Power Electric Wang Yundan, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi.

Il-Ministru Mizzi ħabbar li x-Shangai Power Electric se jkollha 33% tal-ishma tal-Korporazzjoni Enemalta. Spjega kif €100 miljun se jiġu investiti direttament fl-operat tal-Enemalta, €150 miljun biex ix-Xhangai Electric tinvesti fl-impjant tal-BWSC u €70 miljun biex l-impjant tal-BWSC jinqaleb għal gass. 

Spjega kif dan l-investiment mhux se jkun jinkludi d-Diviżjoni tal-Petroleum tal-Korporazzjoni u qal li din kienet l-unika diviżjoni  li kienet tagħmel il-qligħ. Saħaq li minkejja dan il-ftehim l-impjiegi tal-ħaddiema kollha tal-Enemalta se jiġu ssalvagwardjati. 

“Dan l-investiment se jkun strumentali biex iġib lill-Enemalta fuq saqajha u d-dejn tal-Korporazzjoni se jinżel għal ftit iktar minn €300 miljun,” żied jgħid il-Ministru Mizzi. 

Ħabbar ukoll li l-Gvern laħaq ftehim max-Shangai Electric dwar proġetti ta’ enerġija rinovabbli fl-Ewropa u fl-Afrika ta’ Fuq, bil-mira li permezz ta' pannelli fotovoltaiċi u turbini tar-riħ, jipproduċu 300 MW ta' enerġija nadifa. Ftehim ieħor huwa dwar it-twaqqaf ta' Energy Service Centre minn fejn ix-Shangai Electric tkun tista’ tagħmel servicing ta’ impjanti oħra fil-Mediterran. 

Fiż-żmien li ġej mistennija tiġi stabbilita r-rappreżentanza fuq il-Bord tal-Enemalta li se tirrifletti s-sehem il-ġdid tal-kumpanija Ċiniża.