Il-Gvern jieħu deċiżjonijiet neċessarji biex jibda proġett ta’ restawr fuq iċ-Ċittadella – Dr Ian Borg

Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2013 u Fondi Ewropej Dr Ian Borg dalgħodu qal li fl-ewwel erba’ xhur tal-Gvern, ittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex jiġu indirizzati l-problemi biex il-proġett ta’ restawr u riabilitazzjoni fiċ-Ċittadella, ikun jista’ jibda.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-pjazza tal-Katidral fir-Rabat Għawdex, Dr Borg qal li l-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet il-permess biex jiġi implimentat dan il-proġett f’Ottubru 2011.

Is-Segretarju Parlamentari qal li  l-allokazzjoni ta’ Fondi Ewropej għal dan il-proġett tammonta għal madwar €12-il miljun u l-għan tiegħu hu li jiġu implimentati l-azzjonijiet identifikati fid-dokument tal-Masterplan taċ-Ċittadella.

Kompla jgħid li dan id-dokument jissuġġerixxi ħolqien ta’ ċentru għall-viżitaturi, restawr ta’ binjiet pubbliċi, rijabilitazzjoni ta’ spazji pubbliċi u xogħlijiet ta’ infrastruttura fiż-żona taċ-Ċitadella.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Dr.Anton Refalo.