M’hemmx qbil biex il-Parlament jitlaqqa’ b’urġenza

Aġġornat 09:08 PM

L-Ispeaker Anġlu Farrugia informa lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li ma kienx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra biex jitlaqqa’ l-Parlament fis-sigħat li ġejjin, biex jiġu diskussi l-iżviluppi fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fit-tweġiba lill-Ispeaker ftit qabel, il-Gvern qal li se jkun qed ilaqqa’ sessjoni parlamentari apposta fiż-żmien opportun, ladarba jsiru l-konklużjonijiet fl-investigazzjoni minn naħa tal-Pulizija.

Wara laqgħa b’urġenza tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab biex jitlaqqa’ b’urġenza l-Parlament biex jiddibattu l-aħħar żviluppi.

Il-PN jitlob biex jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza

Il-Gvern iwieġeb lill-Ispeaker

Fi stqarrija, il-Gvern ippubblika t-tweġiba li d-Deputat Prim Ministru u l-Kap tal-Kamra Chris Fearne bagħat ftit tal-ħin ilu lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, li tgħid hekk:

Għażiż Mr Speaker,

Nagħmel referenza għall-komunikazzjoni tiegħek u għall-komunikazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni mibgħuta lilek u li jien ikkupjat fiha.

Ninnota illi tali komunikazzjoni ma tinkludi ebda mozzjoni min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar is-suġġett imsemmi minnu.

Min-naħa tal-gvern, waqt illi napprezza s-serjetà tas-sitwazzjoni, nirrepeti dak li qal il-Prim Ministru fil-Kamra tar-Rappreżentanti nhar l-Erbgħa 20 tax-xahar, jiġifieri li l-gvern bi ħsiebu jitlob lill-Parlament jagħmel diskussjoni sħiħa dwar dan, ladarba l-pulizija jkunu kkonkludew ix-xogħol tagħhom, u dan sabiex f’dan l-istadju delikat ma jsir xejn li jista’ jtellef minn din l-investigazzjoni importanti.

Dejjem tiegħek,

Chris Fearne

Deputat Prim Ministru u Kap tal-Kamra

L-Ispeaker jinforma lil Delia

L-Ispeaker Anġlu Farrugia fl-ittra li bagħat lil Adrian Delia qal li ħa l-kunsiderazzjonijiet kollha, fosthom id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa 20 ta’ Novembru, fejn assigura lill-istess Kamra li l-Gvern kien se jagħmel stqarrija, u li anke kien lest li jalloka seduta sħiħa dwar il-każ.