Read in English.
Il-gvern iddefenda d-deċiżjoni li ssir l-inizjattiva Christmas in the City fil-Belt Valletta, u qed jinsisti li l-attivitajiet tal-Milied ippjanati mhux se jmorru kontra l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
It-tħabbir ta’ Christmas in the City wassal għal kritika kbira, inkluż mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), li akkużaw lill-gvern li qed jinjora l-pariri xjentifiċi biex jilgħabuha ta’ populisti f’nofs l-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19.
Fi stqarrija konġunta, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali fakkru li minħabba l-Covid-19, mhux se jiġu organizzati avvenimenti tal-massa jew l-attivitajiet annwali li s-soltu jseħħu fi żmien il-Milied. Żiedu li l-avvenimenti maġġuri kollha, fosthom Winter Wonderland, tħassru.
Il-pjan, skont il-ministeri, u li “permezz ta’ mużika, korijiet żgħar u arti performattiva, il-familji u t-tfal Maltin u Għawdxin li jagħżlu li jidħlu l-Belt Valletta biex jixtru r-rigali lill-qraba tagħhom jew biex jieklu fir-ristoranti matul dak il-perjodu, jkunu jistgħu jidħlu fl-ispirtu pożittiv tal-Milied.”
Żiedu li fuq id-direzzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, “dawn l-inizjattivi żgħar u fil-miftuħ se jkunu konformi b’mod assolut mad-direttivi u l-protokolli li jkunu fis-seħħ. Kull persuna li tidħol fil-Belt Valletta trid ukoll tirrispetta l-liġijiet eżistenti fosthom l-użu obbligatorju tal-maskri u d-distanza soċjali.”
Insistew li s-saħħa tan-nies baqgħet prijorità u li għalhekk “ittieħdu d-deċiżjonijiet li tħabbru biex l-atmosfera tal-Milied tinħoloq skont ir-realtà differenti li qed ngħixu fiha u bil-prekawzjonijiet li kulħadd irid isegwi b’rispett lejh u lejn ħaddieħor.”
Il-Kamra tal-SMEs tisħaq fuq “bilanċ u sensittività”
L-inizjattiva irċiviet ukoll l-appoġġ tal-Kamra tal-SMEs, li fakkret li l-ħwienet Beltin kellhom sena ħażina ħafna: agħar minn dawk f’kull lokalità Maltija oħra.
Qalet li l-Belt kienet ideali għal attività bħal din għal numru ta’ raġuni, inkluż il-fatt li għandha ħafna spazji miftuħa.
Il-kamra ooservat li ma kienet imħabbra l-ebda attività bħal Notte Bianca jew avveniment tal-massa, u li l-awtoritajiet tas-saħħa ġew ikkonsultati.
“Apparti kollox kulħadd għandu r-responsabbiltajiet tiegħu u l-awtoritajiet għandhom rwol importanti biex jiżguraw li kulħadd jimxi kif suppost. Ftit tuffieħ imħassar m’għandux jitħalla jisraq it-tgawdija tal-ispirtu tal-Milied ta’ kulħadd,” insistiet il-kamra.