Il-Gvern jiċħad li ma jridx jgħin f’investigazzjoni ta’ traffikar illegali taż-żejt

Il-Gvern ċaħad dak li nkiteb f’The Guardian, fejn ġie allegat li l-awtoritajiet Taljani ppurvaw jitkellmu ma’ dawk Maltin dwar investigazzjoni fi traffikar taż-żejt, iżda ma rċevew ebda tweġiba għal sena u nofs sħaħ.
L-artiklu ppubblikat illum, Death of Maltese journalist 'could be linked to fuel-smuggling network', jgħid li jista’ jkun hemm ħolqa bejn il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u investigazzjoni fi traffikar illegali taż-żejt li fiha hemm involuti Maltin, Taljani u Libjani.
L-artiklu jikkwota lil Carmelo Zuccaro, prosekutur ġenerali li qed imexxi l-investigazzjoni, li jgħid li ppruvaw jikkuntattjaw lill-awtoritajiet f’Malta biex jgħinuhom fl-investigazzjonijiet, iżda ma rriżulta xejn ta’ ġid minn dan.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja fi stqarrija rrefera għal dan l-artiklu, u qal li dan mhu minnu xejn.
Isemmi kif f’Ottubru tas-sena l-oħra, permezz tal-Eurojust, il-prokura Taljana rreferiet lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta’ Malta talba biex jinstemgħu xhieda u tinġabar evidenza b’rabta mal-każ imsemmi.
Enfasizza li f’inqas minn tliet xhur l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali beda l-proċeduri meħtieġa quddiem il-Qorti ta’ Malta biex jinġabru l-provi li ġew mitluba mill-prokura Taljana skont il-ligi. 
“Diġà saru żewġ seduti quddiem il-Magistrat Claire Stafrace Zammit u diġà ġiet iffissata data għat-tielet seduta fil-jiem li ġejjin”, saħaq il-Ministeru.
Temm jgħid li dan juri li kwalunkwe akkuża li l-awtoritajiet Maltin m’għandhomx interess jikkoperaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani fuq dan il-każ hija għal kollox fiergħa, mhux veritiera u inġusta.