Il-Gvern jiċħad li l-Maġistrat ta’ Egrant qed jistenna approvazzjoni biex jaħtar esperti barranin

Il-Gvern qed jiċħad dak li żvelat dalgħodu t-Times of Malta, li l-Maġistrat Aaron Bugeja, li qed jinvestiga l-akkuża ta’ Egrant, qed jistenna l-approvazzjoni mid-Dipartiment tal-Ġustizzja biex jaħtar esperti fl-IT biex jgħinuh fl-inkjesta.
It-Times of Malta qalet li l-inkjesta, li tinvolvi lill-Prim Ministru u martu, tant hi kumplessa, li l-aħjar mod li jiġu investigati s-servers tal-kompjuter, huma billi jinħatru esperti barranin. 
Spjegat li l-ispiża taqbeż il-€500,000 u għalhekk il-Qorti teħtieġ l-approvazzjoni mill-Gvern.
Il-gazzetta qalet li meta staqsiet lid-Dipartiment tal-Ġustizzja jekk għandux problema li japprova esperti barranin, kelliem għall-Ministeru wieġeb li l-ħatra tal-esperti hija prerogattiva tal-membri tal-Ġudikatura u li għalhekk m’hemmx għalfejn ikun hemm problemi. Żiedet tgħid li l-Ministeru ma qalx meta se japprova l-ħatra tagħhom.
Min-naħa tiegħu, fl-istqarrija l-Ministeru qal li din l-istorja hija fabbrikazzjoni għax il-ġurnalist involut ma staqsiex b’mod speċifiku dwar l-inkjesta ta’ Egrant.
Il-Ministeru saħaq li m’hemm l-ebda problema ta’ ħlas u spjega li f’April li għadda ta l-approvazzjoni biex jintużaw fondi kemm hemm bżonn, biex jinħatru esperti kemm Maltin kif ukoll barranin għall-istess inkjesta.
Temm jgħid li l-Maġistrat għandu kull sapport li jeħtieġ mill-Gvern biex jikkonkludi l-inkjesta.
L-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama bdew mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn allegat li sidt il-kumpanija hija Michelle Muscat. Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda kemm mill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll minn Michelle Muscat.