Read in English.
Cruise liner li bħalissa jinsab fi triqtu lejn Malta għandu fuqu suspettat każ tal-coronavirus skont midja internazzjonali. Intant, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, qal li l-bastiment mhux se jitħalla jidħol Malta.
Il-cruise liner, li għandu l-bandiera tal-Bahamas diġà pprova jmur lejn Ċipru, iżda l-passiġġieri abbord ma tħallewx jinżlu fil-pajjiż.
Il-Ministru għat-Trasport ta’ Ċipru, Yiannis Karousos, tkellem mal-ġurnal CyBC llum u qal li l-passiġġier kien qed jgħid li għandu sintomi simili għal dawk li jħossu persuni li għandhom il-coronavirus. Is-sid tal-bastiment talab li dan jieqaf fil-port ta’ Limassol. Jidher li abbord hemm mal-1,000 persuna, inkluż passiġġieri u ekwipaġġ.
Hu qal li l-Marco Polo kien se jingħata l-permess li jiżbarka biss il-persuna li hija marida, iżda l-passiġġieri ta’ fuqu ma kienux se jitħallew jiżbarkaw. B’hekk is-sid iddeċieda li jdawwar il-bastiment lejn Malta.
Minkejja dan, il-Ministru Borg qal fuq Facebook li l-aġent u l-Valletta Cruise Port ġew infurmati minn Transport Malta li l-bastiment mhux se jitħalla jidħol Malta.
F’Malta bħalissa hawn 12-il każ tal-coronavirus, kollha impurtati minn barra. Dan wassal sabiex jingħalqu l-iskejjel u jittieħdu għexieren ta’ miżuri preventive biex il-virus ma jinfirixx mal-bqija tal-pajjiż.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.