“Mhux veru pprova jagħmel suwiċidju; lanqas mhu f’iżolament” – Qraba ‘taċ-Ċiniż’

Qraba ta' George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż, ċaħdu ma' Newsbook.com.m dak li qed ikun irrappurtat, jiġifieri li pprova jagħmel suwiċidju u li għadu qed jinżamm f'iżolament.
Iċ-Ċiniż huwa wieħed mit-tliet akkużati b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li jinsabu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-qraba tiegħu qalu li wara rikors li kien tressaq waqt il-kumpilazzjoni, kemm George Degiorgio, ħuh Alfred Degiorgio 'il-fulu' u Vince Muscat 'il-Koħħu' ma baqgħux jinżammu f'iżolamentt, tant hu hekk li xi qraba marru jżuru lill-istess George Degiorgio l-ħabs aktar kmieni llum.
Fir-rikors, George Degiorgio kien qal li qed jinżamm il-ħabs f'kundizzjonijiet ħżiena, bl-avukat tiegħu jgħid li qed ikollu jorqod fuq saqqu mal-art.
Anke l-Gvern ċaħad ir-rapport ta' Il-Mument dwar attentat suwiċidju minn George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, għalkemm il-ġurnalist li kiteb l-artiklu qal ma’ Newsbook.com.mt li qabel ma ppubblika l-istorja huwa kkonferma l-aħbar ma’ sorsi ta’ min joqgħod fuqhom.
Skont Il-Mument, "Iċ-Ċiniż", ħuħ Alfred Degiorgio magħruf bħala "il-Fulu", u Vince Muscat "il-Koħħu", għadhom qed jinżammu iżolati mill-kumplament tal-priġunieri.
L-istess gazzetta qalet li huma qed jinżammu fi tliet ċelel separati mingħajr ma jikkomunikaw ma’ ħadd. Dan iżda ġie miċħud mill-qraba ta' Degiorgio li ma' Newsbook.com.mt qalu li ilhom ħmistax jinżammu f'diviżjoni tal-ħabs.
Tgħid li kien dan li wassal lil Degiorgio biex jipprova jagħmel suwiċidju, iżda nduna uffiċjal tal-ħabs li kien għassa u immedjatamanet talab għall-għajnuna.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Gvern, minbarra li ċaħad l-aħbar, ikkundanna l-ġurnal Il-Mument li fi kliemu ppubblika “xnigħat infondati.”
Iżda, ma’ Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Joe Mikallef qal li l-istorja waslet għandu minn sors fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u kkonfermaha minn żewġ sorsi oħra, fosthom persuna oħra mill-istess ħabs.
Joe Mikallef kompla jgħid li kien hemm pressjoni ta’ segretezza biex din l-istorja tibqa’ mistura.
Il-ġurnalist saħaq li mhux sorpriż bl-aġir tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u ddeskriva l-istqarrija bħala sintomatika ta’ Gvern li jħobb jaħbi.
Insista li mhux l-ewwel darba li l-Ministeru għall-Intern mhux biss ma jikkonfermax aħbar iżda jipprova jgiddibha.
It-tliet akkużati qed jistennew id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali dwar jekk hux se jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Jekk dan ma jseħħx, il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli fl-1 ta’ Frar.