Il-Gvern jiċħad li 80 persuna għandhom aktar minn ID card waħda

Il-Ministeru tal-Ġustizzja qal li ma jistax jifhem kif, minkejja stqarrijiet ċari mill-Gvern, il-gazzetta The Malta Independent għażlet li tgħid li l-Gvern mhuwiex jiċħad li 80 persuna għandhom iktar minn karta tal-identità waħda.
Fi stqarrija, il-Gvern ċaħad bl-iktar mod ċar li 80 persuna għandhom iktar minn karta tal-identità waħda li hi valida.
Il-Ministeru kompla jgħid li nhar il-Ħamis, il-Gvern se jiltaqa’ ma’ The Malta Independent.
Barra minn hekk, il-Ministeru ħeġġeġ lill-gazzetta biex tipprovdi d-dettalji kollha tal-allegazzjonijiet li qed tagħmel lill-awtoritajiet biex ikunu jistgħu jinvestigaw.
Il-gazzetta The Malta Independent żvelat li għandha f’idejha rapport intern ta’ Indentity Malta li juri “kollass” fis-sistema tal-karti tal-identità.
Il-gazzetta allegat li minn kampjun ta’ 300 ruħ fuq ir-reġistru tal-karta tal-identità, 80 persuna għandhom aktar minn karta tal-identità waħda, b’ħamsa minnhom għandhom saħansitra tliet karti tal-identità, bl-istess isem u numru tal-identità differenti.