Il-Gvern jiċħad it-talba biex jippubblika lista ta’ bennejja

Il-Kamra tal-Periti qalet li l-kuntratturi u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni la huma regolati u lanqas mhuma liċenzjati.

Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker qalet dan fi tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt wara li lbieraħ ġediet binja fi Gwardamanġa fil-Pietà. Hija saħqet li kulħadd jista’ jgħid li huwa kuntrattur irrispettivament mill-kwalifiċi li għandu.

Hija spjegat li l-bennejja, kuntrarju għall-kuntratturi huma liċenzjati biex jagħmlu dan ix-xogħol mill-Istat. Qalet li għal diversi drabi, il-Kamra tal-Periti talbet lill-Gvern biex jippubblika lista ta’ bennejja awtorizzati iżda dawn t-talbiet sfaw fix-xejn. Saħqet ukoll li t-taħriġ li jirċievu l-bennejja mhux adekwat meta mqabbel max-xogħlijiet li qed isiru f’siti ta’ kostruzzjoni differenti u saħqet biex il-kurrikulu jiġi aġġornat.

Dwar l-inċident tal-Erbgħa filgħaxija fil-Pietà, Vella Lenicker qalet li huwa xokkanti u jqajjem għadd ta’ mistoqsijiet ta’ x’seta’ prevjena dan l-inċident milli jseħħ u dwar jekk l-industrija tal-kostruzzjoni hiex qed tagħmel biżżejjed biex tassigura s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, r-residenti u l-ġirien.

Filmat: Dar u appartamenti jiġġarrfu f’Tal-Pietà

Hija semmiet numru ta’ proposti li l-Kamra tal-Periti pproponiet lill-Gvern fl-aħħar ġimgħat, inkluż riforma fir-regolamentazzjoni dwar il-bini.

Dwar minn hu responsabbli mill-ispezzjonar fuq is-siti ta’ kostruzzjoni, Vella Lenicker qalet li l-Awtorità għar-Regolamentazzjoni u l-Bini flimkien mal-Awtorità għas-Saġġa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) huma t-tnejn involuti fil-fażi tal-kostruzzjoni iżda l-ebda minhoma mhuma obbligati li jispezzjonaw is-siti. Qalet li madanakollu l-liġi tagħtihom is-seta’ li jagħmlu spot-checks u dawn normalment isiru wara rapporti minn terzi persuni dwar ix-xogħlijiet li jkunu qed isiru.

Hija saħqet li l-Periti u l-Inġiniera huma responsabbli biex jagħmlu d-due diligence neċessarju fuq is-siti ta’ kostruzzjoni.

Biex tara kif tista’ tgħin lill-familji affettwati IDĦOL hawn.