Il-Gvern jibqa’ ma jweġibx

Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat nhar il-Ħamis li għadda dwar il-każ tal-isparatura tax-xufier ta’ Manuel Mallia, baqgħu mhux imwieġba.
l-għada li x-xufier tal-Ministru Manuel Mallia spara tliet tiri wara li l-karozza tal-Ministru ntlaqtet minn vettura li baqgħet sejra, intbagħtu l-mistoqsijiet lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia kif ukoll lill-kelliema għall-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Ramona Attard.
Newsbook.com.mt staqsa kemm xufiera tal-Ministri huma pulizija u kemm minnhom iġorru arma, f’liema kundizzjonijiet għandhom l-awtorizzazzjoni li jisparaw, u jekk hix il-proċedura li l-Pulizija jispara f’każ ta’ hit & run.
Wara li għaddew tliet ijiem u baqgħu ma waslux risposti għal dawn il-mistoqsijiet li qed jistaqsu n-nies, saru telefonati kemm lil Ramona Attard kif ukoll lil Kurt Farrugia. Minkejja li l-kelliema għall-Ministeru qalet li se tirrispondi fi żmien qasir wara li jerġgħu jintbagħtulha l-mistoqsijiet b'imejl għat-tielet darba, hi baqgħet ma rrispondietx. Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern ma weġibx it-telefonata.
Illum il-Prim Ministru Joseph Muscat bagħat ittra lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fejn qallu li pubblikament qed “jivventilha” numru ta’ allegazzjoni dwar dan il-każ. Qal li għaldaqstant hu ħatar Bord ta’ Inkjesta biex jinvestiga l-każ u li formalment stieden lil Simon Busuttil biex jagħżel ġudikant irtirat biex iservi bħala Ċermen ta’ dal-Bord, li ħa jkun iffurmat minn tliet persuni. B'reazzjoni għal dan, Simon Busuttil qal li "minflok ma jagħmel dak li kulħadd qed jistenna, u jkeċċi lill-Prim Ministru, u jkeċċi lill-Ministru Manuel Mallia, il-Prim Ministru issa qed jipprova jtawwal u jfarfar fuq ħaddieħor."