Il-Gvern jgħin lill-Birżebbuġa Sailing Club b’donazzjoni ta’ mutur

DOI Omar Camilleri

Il-Gvern għen lill-Birżebbuġa Sailing Club permezz ta’ donazzjoni ta’ mutur għal dinghy. Transport Malta għamlet din id-donazzjoni €5,000 flimkien ma’ donazzjoni oħra tal-fornitur.

Waqt li żar il-club, il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Ian Borg spjega kif dan l-investiment se jwassal biex il-club ikompli jtejjeb is-sigurtà u s-servizz li qed joffri lill-bosta studenti. Il-Ministru Borg faħħar il-ħidma ta’ dan il-club, li qiegħed iħareġġ lil dawn it-tfal u liż-żgħażagħ li se jkunu l-baħħara tal-futur, f’settur tal-marittimu li huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija tagħna.

Il-Ministru Borg qal li Transport Malta għandha rwol importanti f’dan kollu hekk kif hija l-entità li tirregola s-settur.

Il-President tal-club Joseph Briffa faħħar lill-Ministeru ta’ Ian Borg u lil Transport Malta tal-inizjattivi li jieħdu favur għaqdiet sportivi, b’mod speċjali l-għajnuna li kienet qed tingħata llum. Huwa qal li din l-għajnuna ġiet f’waqtha hekk kif bħalissa għaddejja tellieqa internazzjonali li l-club qiegħed jipparteċipa fiha b’għan ġeneruż, fejn id-donazzjonijiet tal-parteċipanti imorru għall-Andrew Simpson Foundation, li tgħin għaqdiet tat-tbaħħir oħra li jkunu għaddejjin mid-diffikultajiet.

Il-Birżebbuġa Sailing Club ilha mwaqqfa mill-1972 u saħansitra matul ix-xhur tas-sajf waslet is-servizz tagħha lil madwar 70 student tal-età bejn ħames snin u għoxrin sena.