Il-Gvern jgħid li se jipproteġi l-art f’Bulebel

Iż-żona magħrufa bħala Wied iż-Żrinġ, f’Bulebel, se tkun qed tiġi protetta mill-Gvern li fi stqarrija saħaq li mhux se jħalli li jsir żvilupp hemmhekk.
L-istqarrija mibgħuta mill-Ministeru għall-Investimenti, qalet ukoll li l-Gvern se jkun qed jaħdem sabiex madwar 25% oħra mill-art li kienet identifikata għal żvilupp industrijali bejn l-2006 u l-2009 ma tintużax għal dawn l-iskopijiet.
Il-Ministeru rrimarka li l-Gvern Nazzjonalista kien għadda lill-Malta Industrial Parks, medda ta’ art biex tiġi żviluppata f’żona industrijali.
Ftit tal-ġimgħa ilu, skont l-għaqda Wirt iż-Żejtun, numru ta’ bdiewa rċevew ittra mill-Malta Industrial Parks (MIP), fejn intalbu jiżgumbraw ir-raba’ fi ftit żmien. Dawn il-bdiewa għandhom l-art bil-qbiela, liema qbiela ilhom ma jiġu aċċettati mill-propjetarju sa mis-snin sittin.
L-art f’Bulebel tintuża biex jitkabbru frott u ħaxix matul l-istaġun u fis-sajf biex jinħaraq in-nar għall-festa.
Dwar dan, il-Perit Reuben Abela, mill-NGO Wirt iż-Żejtun, qal fil-programm Follow Up fuq RTK, li sit alternattiv għall-estensjoni ta’ żona industrijali, jista’ jkun il-qasam industrijali ta’ Ħal Far.
Min-naħa tiegħu, il-il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li minkejja li din hi art tal-Gvern, qed jiġu ikkunsidrati siti alternattivi oħra.
Se nipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-Att tal-Ippjanar tal-Iżvilupp – Wirt iż-Żejtun
Wirt Żejtun qal li se jkun qed jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni stipulat taħt l-Att tal-Ippjanar tal-Iżvilupp, liema proċess mistenni jieħu sitt xhur sabiex jintemm.
Dan irrimarkawh fi stqarrija fejn qalu wkoll li huma ħerqana sabiex jaraw lill-Gvern jaħdem biex jiġi rrevedut il-pjan ta’ żvilupp tan-nofsinhar ta’ Malta.
Ritratt: Ian Noel Pace