Il-Gvern jgħid li ngħata raġun mill-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja dwar il-ġudikatura u s-saltna tad-dritt

Irishtimes.com

Read in English.

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja tat raġun lill-Gvern Malti dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-Gvern kompla li l-Avukat Ġenerali Gerard Hogan ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu dwar tliet mistoqsijiet li ġew referuti lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta. Dawn il-mistoqsijiet kienu saru fil-kawża li fetħet l-għaqda Repubblika dwar il-validità tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura f’Malta skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea.

L-istqarrija kompliet tispjega li dwar l-ewwel mistoqsija li qed tipproponi li l-Artiklu 19 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea huwa applikabbli għall-każ, l-Avukat Ġenerali Hogan qal li meta eżamina s-sistema tal-ħatriet tal-ġudikatura f’Malta u partikolarment bejn l-2016 u l-2020, huwa ma sab li m’hemm xejn fis-sistema ta’ ħatriet tal-ġudikatura li minnu nnifsu jmur kontra l-liġi Ewropea. Żiedu li għall-kuntrarju, Hogan irrimarka li mill-evalwazzjoni tiegħu jirriżulta li l-ġudikatura f’Malta tgawdi minn protezzjoni legali qawwija għall-indipendenza tagħha u dan b’mod partikolari fir-rigward tat-tneħħija mill-kariga, dixxiplina, indipendenza istituzzjonali u indipendenza finanzjarja, fost l-oħrajn. 

L-istqarrija kompliet li Hogan irrimarka wkoll li l-fatt li persuna qabel ma tkun inħatret fil-ġudikatura kellha xi assoċjazzjoni ma’ xi partit politiku ma jġibx bħala konsegwenza li dik il-persuna mhijiex ġudikant indipendenti u imparzjali. Persuni bħal dawn jokkupaw karigi fl-aktar qrati awtorevoli tad-dinja, bħalma huma l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti u l-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġermanja. 

Dwar jekk l-effetti ta’ deċiżjoni dwar difett fil-ħatra tal-ġudikatura jistgħux ikunu retroattivi, l-Avukat Ġenerali kkonkluda li dawn id-deċiżjonijiet iridu jħarsu ’l quddiem u mhux lura u li għalhekk ma jistgħux ikunu retroattivi b’mod li jiġi annullat dak kollu li sar mill-ġudikatura jew minn xi membri tagħha fil-passat

Il-gvern qal li jilqa’ l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Hogan u żied li ma jistax ma jirrimarkax li din tagħtih raġun f’dak li l-gvern ilu jsostni rigward il-garanziji tal-indipendenza tal-ġudikatura u tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-Gvern temm l-istqarrja billi sostna li huwa jinsab impenjat li jkompli jsaħħaħ ir-riformi li qed iwettaq fl-oqsma tas-saltna tad-dritt u l-governanza tajba billi dejjem ikompli jtejjeb isem Malta fuq livell Ewropew u dinji.