Il-Gvern jgħid li mexa mal-proċeduri ta’ salvataġġ

Read in English.

Il-Gvern Malti qal li l-awtoritajiet Maltin imxew mal-proċeduri stabbiliti biex għenu lid-dgħajsa hekk kif din kienet irrappurtata li qiegħda fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

Mingħajr ma rrefera għall-ebda dgħajsa speċifika, il-Gvern qal li “kkoordina salvataġġ ta’ dgħajsa bl-immigranti li telqet mil-Libja u li wara xi jiem fl-ibħra Libjani, daħlet fiż-Żona Maltija ta’ Tiftix u Salvataġġ”.

Fi stqarrija dwar l-aħħar aħbarijiet dwar id-dgħajsa li kienet qed iġġorr 55 persuna abbord, il-Gvern reġa’ tkellem kontra dawk li “qegħdin ikomplu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar irregolari” inklużi l-għaqdiet li qed isalvaw il-ħajjiet li sejħilhom traffikanti tal-immigranti.

Din l-istqarrija ħarġet fid-dawl ta’ allegazzjonijiet minn rapporti ta’ gazzetta awtoritevoli Taljana li l-Gvern Malti gideb dwar id-dgħajsa li fuqha kien hemm 55 persuna. Minnhom, 12-il persuna tilfet ħajjitha b’7 minnhom imutu mgħerrqa fil-Baħar Mediterran.

L-appell tal-Gvern

Il-Gvern qal reġa’ appella lill-Unjoni Ewropea tniedi missjoni umanitarja fil-Libja biex in-nies ma jibqgħux jirriskjaw ħajjithom billi jaħarbu minn dan il-pajjiż.

Il-verżjoni tal-Gvern dwar dak li ġara

Il-Gvern insista li l-Unjoni Ewropea kienet taf li d-dgħajsa tinsab fl-ibħra Libjani għaliex qal li waqt li saru titjiriet tal-Frontex. Il-Gvern stqarr li l-Unjoni Ewropea ma talbitx l-assistenza f’dan il-punt.

Il-Gvern qal li l-Forzi Armati ta’ Malta għamlu numru ta’ titjiriet biex jillokalizzaw fejn kienet tinsab din id-dgħajsa malli din kienet irrappurtata li tinsab fl-SRR Malti. Waqt titjira minnhom, id-dgħajsa ġiet lokalizzata u l-Forzi Armati Maltin sejħu xi bastimenti li kien hemm fil-viċin biex jassistu.

Il-Gvern ikompli jgħid li l-immigranti ġew assistiti permezz ta’ bastiment kummerċjali, li ntbagħat fil-post fejn kienet tinsab id-dgħajsa biex jassisti. Bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera Libjana mbagħad għabba lill-immigranti abbord. Jingħad ukoll li f’dak il-waqt, il-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed jikkoordinaw waħidhom erba’ każijiet oħra simili, fl-istess ħin.