​Il-Gvern jgħid li l-faqar f’Malta naqas għal terz tal-medja Ewropea

Il-Ministru għas-Sigurtà Soċjali Michael Falzon qal fil-Parlament li skont statistika ppubblikata mill-Eurostat kien hemm tnaqqis ta’ 9,000 persuna li jaqgħu f’riskju ta’ faqar jew deprivazzjoni severa.
Dr Falzon kien qed jitkellem fil-winding up tat-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar l-att tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali.
Falzon qal li mill-ewwel darba li ilha tinżamm din l-istatistika tal-Eurostat, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar niżel fl-inqas livelli li qatt kien.
Huwa qal fl-aħħar tas-sena 2012 il-faqar kien fil-livelli ta’ 37,000 waqt li fl-aħħar tas-sena 2017 niżel għal 14,000.
Il-Ministru spjega li l-Gvern qed jirnexxilu joħloq bilanċ bejn is-suċċess ekonomiku u s-suċċess soċjali.  Żied jgħid li din l-amministrazzjoni irnexxielha twaqqaf tendenza taħt l-amminstrazzjoni Nazzjonalista li bejn l-2007 u l-2012 in-nies f’riskju ta’ faqar kien ta’ 20,000 ruħ waqt li issa niżel għal terz ta’ dak li kien.
Aktar minn hekk, irrimarka li l-faqar f’Malta kien ogħla mill-medja Ewropea waqt li issa qiegħed nofs il-medja fl-Unjoni Ewropea.
It-tendenza pożittiva kienet fost l-anzjani, adulti u anke tfal.