Il-Gvern jgħid li d-debba ma kinitx maħqura

Il-Gvern qal li d-debba li waqgħet fil-Pietà s-Sibt li għadda ma kinitx maħqura. Dan sar magħruf wara li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali kkonkluda li l-inċident seħħ minħabba fatturi oħra li mhumiex relatati mal-fatt li d-debba ma kinitx trattata b’mod tajjeb.

L-investigazzjoni mid-Direttorat bdiet malli ġew innutati kummenti fuq il-mezzi tax-xandir u l-midja soċjali dwar l-inċident.

L-istqarrija tgħid ukoll li s-sid tad-debba ġie identifikat u saret spezzjoni minn uffiċjali tal-Animal Welfare u veterinarju fejn sar eżami mediku fuq id-debba kif ukoll ġew spezzjonati l-istalel tas-sid.

Fi stqarrija ppubblikata mis-Segretarja Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, id-Direttorat saħaq li flok kummenti fuq il-midja soċjali, il-pubbliku l-ewwel reazzjoni tiegħu għandu jkun li jagħmel rapport fuq in-numru ta’ emereġenza 1717. Dan sabiex id-Direttorat ikun jista’ jinvestiga u jassistu fil-każ fl-immedjat.

Nhar is-Sibt se ssir protesta kontra l-karozzini taż-żwiemel li joperaw fit-toroq Maltin u Għawdxin.