Il-Gvern jew Prof. Gauci jiddeċiedu dwar l-Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika?

Read in English.

Għadu mhux ikkonfermat jekk id-deċiżjoni madwar id-dikjarazzjoni ta’ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika fil-pajjiż kinitx dik tal-Gvern jew inkella tas-Superintendent tas-Saħħa Pubblika nnifisha.

Lura f’Marzu li għadda, malli fil-pajjiż tfaċċaw tliet każi tal-coronavirus, kienet ġiet iddikjarata Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika. Dan kien sar fis-7 ta’ Marzu. Meta l-pajjiż beda jaqleb għall-aħjar, jiġifieri lejn nofs Ġunju, din tneħħiet. Iżda issa, fl-aħħar ġimgħat il-pajjiż ra żieda allarmanti ta’ każi ġodda pożittivi wara li nfetaħ beraħ l-ajruport għat-turiżmu u tħallew ikunu organizzati avvenimenti tal-massa.

B’hekk bħalissa, fil-pajjiż, hawn total ta’ 505 każ pożittiv tal-coronavirus. Iżda d-dikjarazzjoni ta’ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika jidher li m’hemmx bżonnha.

Propju llum, waqt l-aġġornament li qed isir kull nhar ta’ Ġimgħa minn Prof. Gauci, tliet ġurnalisti staqsew dwar l-Emerġenza tas-Saħħa Pubblika, inkluż Newsbook.com.mt. L-għan kien biex jitpoġġa d-dawl jekk is-Saħħa Pubblika hux verament qed titħalla topera b’mod ħieles biex tħares lill-poplu Malti u Għawdxi.

Prof. Gauci spjegat li meta pajjiż ikun fi stat ta’ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika, l-awtoritajiet tas-saħħa jingħataw ċertu poter fejn ikunu jistgħu joħorġu liġijiet ġodda li jissalvagwardjaw is-saħħa tal-poplu qabel kollox. Hi spjegat li bħalissa, l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom f’idejhom dak kollu li hemm bżonn biex joħorġu avviżi legali bħal kif ġara l-ġimgħa li għaddiet. Kompliet tgħid li jekk jaslu f’punt li jaraw li hemm bżonn li jiddikjaraw din l-Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika għax jinħass il-bżonn li l-awtoritajiet tas-saħħa jkollhom aktar poter, mela jagħmlu dan.

Newsbook.com.mt imbagħad staqsa dwar jekk id-deċiżjoni li għalissa ma tkunx iddikjarata Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika tteħditx min-naħa tagħha jew min-naħa tal-Gvern. Minkejja li fl-ebda parti tat-tweġibiet preċedenti ma qalet jekk id-deċiżjoni kinitx tagħha jew tal-Gvern, Prof. Gauci qalet li t-tweġiba diġà tagħtha. B’hekk, jibqa’ mhux ikkonfermat jekk is-Saħħa Pubblika hux verament qed titħalla topera kif hemm bżonn f’każ ta’ pandemija jew jekk il-Gvern ħax ir-riedni kompletament f’idejh.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart, Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan kien qal li mingħajr id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika ikun ifisser li l-Gvern ikollu kontroll tas-sitwazzjoni filwaqt li b’emerġenza ddikkjarata tkun is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tiddeċiedi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal li d-dikjarazzjoni mhux se tagħmel differenza fil-ġlieda kontra l-imxija tal-coronavirus.

Għaliex qed jingħataw inqas dettalji ta’ każi pożittivi?

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Newsbook.com.mt staqsa wkoll għaliex il-livell ta’ informazzjoni dwar il-każi pożittivi ġodda mhux qed tkun dettaljata daqs kemm kienet tkun qabel.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika qalet li qabel, meta l-konferenzi tal-aħbarijiet kienu jsiru kuljum, kienet tispjega d-dettalji ta’ kull każ kuljum. Hi kompliet billi qalet li biex tispjega 300 każ kuljum, il-konferenza tal-aħbarijiet iddum tliet ijiem biex ikunu jistgħu jagħtu dak il-livell ta’ informazzjoni waqt konferenza tal-aħbarijiet li ssir darba fil-ġimgħa. Dan minkejja li l-informazzjoni dwar il-każi tista’ tkun mgħoddija lill-midja, u b’hekk lill-pubbliku, b’modi oħrajn, bħal stqarrijiet u aktar dettalji annessi mal-infografika li tkun ippubblikata ta’ kuljum fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa.

Prof. Gauci kompliet tgħid li hi wriet biċ-ċar l-etajiet tal-persuni li ħarġu pożittivi matul il-ġimgħa permezz ta’ grafika waqt il-konferenza tal-aħbarijiet. Qalet li din il-grafika turi kull każ bid-dettall tal-etajiet tiegħu. Qalet ukoll li d-dettalji dwar il-clusters differenti ngħataw wkoll permezz ta’ infografika oħra. Sostniet li dan huwa l-mod kif l-awtoritajiet tas-saħħa qed ikunu trasparenti.

Fl-aħħar jiem, Newsbook.com.mt kien infurmat b’każi speċifiċi ta’ persuni li ħarġu pożittivi għall-virus f’postijiet differenti, inkluż fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u f’Supermarket f’Għawdex fost l-oħrajn. Meta Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Ministeru għas-Saħħa għad-dettalji madwar dawn il-każijiet, il-kelliema għall-Ministeru kienet wieġbet tgħid li t-tim tas-saħħa pubblika qed jaħdem fuq il-contact tracing tal-każi u għandu idu mimlijin. Qalet li l-midja “suppost taf” li l-awtoritajiet tas-saħħa ma jidħlux f’każi speċifiċi, u meta jkun hemm bżonn li l-pubbliku jkun infurmat b’xi ħaġa tinħareġ stqarrija. Dan jikkuntrasta ma’ dak li kien jiġri sa Mejju li għadda, fejn l-awtoritajiet tas-saħħa kienu jagħtu dettalji ta’ fejn jinstabu każijiet.