Il-Gvern jesprimi dispjaċir, kundanna u faraġ dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

Fi stqarrija, l-Gvern Malti qal li fl-aħħar xhur kien qiegħed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Eġittu. Il-Gvern waqt li kkundanna kull użu ta’ vjolenza, wera t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni preżenti u saħaq fuq id-dritt għal protesti paċifiċi bħala arma demokratika.

L-istqarrija tal-Gvern tkompli tgħid li l-istess Gvern Malti jinsab dispjaċut li minkejja l-interventi diplomatiċi minn awtoritajiet u politiċi prominenti, is-soluzzjoni paċifika baqgħet ma nstabitx u wera l-faraġ lill-qraba kollha tal-vittmi li sfaw feruti jew saħansitra maqtula. Il-Gvern appella għat-trażżin tal-vjolenza eċċessiva waqt li wera t-tama li terġa' tirrenja l-kalma. Waqt li awgura lil poplu Eġizzjan u lill-Mexxejja tiegħu sabiex ma jabbandunawx it-triq li kienu qabdu lejn id-demokrazija, il-Gvern wiegħed l-appoġġ sħiħ tiegħu sabiex jerġa' jara l-Eġittu bħala nazzjon rebbieħ f'sitwazzjoni ta' paċi u sigurtà.