Il-Gvern jawtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-GRECO

Il-Gvern Malti awtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-ħames evalwazzjoni ta’ Malta li saret mill-Grupp tal-Istati Kontra l-Korruzzjoni magħruf bħala l-GRECO.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li r-rapport jitratta dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-integrità fl-eżekuzzjoni tal-ogħla funzjonijiet eżekuttivi tal-gvernijiet ċentrali u fl-agenziji tal-infurzar tal-liġi. L-evalwazzjonijiet tal-GRECO  isiru dwar kull pajjiż membru tal-Kunsill tal-Ewropa madwar kull erba’ snin.

L-abbozz tar-rapport tal-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-korruzzjoni magħruf bħala l-GRECO qal li jekk Malta mhux se tirranġa s-sistema kriminali ġudizzjarja se jkun hemm riskju li din tikkolassa.

Skont il-ġurnal Times of Malta r-rapport tal- GRECO qal li r-responsabbiltajiet kriminali għandhom jiġu maqsuma bejn l-istituzzjonijiet inkella din is-sistema se tispiċċa taħt pressjoni.

Skont il-Gvern, hija regola tal-GRECO illi biex rapport jiġi ppubblikat, trid tingħata l-awtorizzazjoni għal dan mill-pajjiż konċernat.

“Fil-prattika din l-awtorizzazzjoni għall-pubblikazzjoni qatt ma tingħata minn ebda pajjiż mill-ewwel waqt il-laqgħa plenarja li tkun approvat ir-rapport,” żied jgħid il-Gvern. Skont il-Gvern, fl-istess jum meta ġiet konkluża l-evalwazzjoni ta’ Malta, ġew konkluzi wkoll l-evalwazzjonijiet tal-Macedonia tal-Punent u tal-Isvezja li f’ebda pajjiż minnhom għadha ma saret il-pubblikazzjoni tar-rapport rispettiv.

Fi kliem il-Gvern, ir-rapport tal-GRECO jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż konċernat sabiex itejjeb is-sistemi legali u amministrattivi tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur illi jkun is-suġġett tal-evalwazzjoni.

Il-Gvern qal li jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO fil-qofol tagħhom jirrigwardjaw sistemi u liġijiet li ilhom f’Malta numru kbar ta’ ġenerazzjonijiet, saħansitra wħud minnhom sa minn qabel l-Indipendenza ta’ Malta.

Fi kliem il-Gvern ir-rapport tal-GRECO jirrikonoxxi wkoll li sar xi tibdil wara li d-delegazzjoni tal-GRECO żaret Malta li mhuwiex inkluż fir-rapport. Dan it-tibdil jinkludi l-funzjonijiet ġodda li ngħataw lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li fil-fehma tal-Gvern għandhom jolqtu wħud mir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-GRECO.