Il-Gvern jaqbel mal-ġurnalisti biex issir ġustizzja

Il-Gvern qal li qed jaqbel mal-ġurnalisti li qed isejjħu biex issir ġustizzja dwar il-qtil tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, li għal dawn l-aħħar jumejn kienu Malta biex jinvestigaw il-libertà tal-midja u l-protezzjoni tal-midja, b’mod partikolari fid-dawl tal-assassinju ta’ Daphne.

Il-Gvern qal li jaqbel ukoll li l-libertà tal-istampa hija kruċjali f’demokrazija u saħaq li “l-Gvern hu totalment kommess li jsaħħaħ il-libertà tal-espressjoni f’Malta”.

Bħala evidenza tax-xogħol li sar s’issa, il-Gvern qal li ddaħħlet liġi ġdida dwar il-Midja u d-Defamazzjoni, bl-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tgħid li din hija “waħda mill-aktar leġislazzjonijiet progressivi fl-Ewropa u ‘l barra mill-kontinent għax mhux biss neħħiet il-libell kriminali mill-liġijiet Maltin, iżda implimentat riformi varji biex iżżid il-libertajiet ġurnalistiċi”.

Għalkemm issemmew dawn il-punti ta’ qbil, il-Gvern naqas milli jsemmi s-sejħa tal-istess għaqdiet li ssir inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne. Aktar kmieni, l-għaqdiet sejħu għal inkjesta pubblika li għandha tinkludi fost l-oħrajn smiegħ ta’ evidenza fil-pubbliku u l-involviment tal-familja fil-proċessi tal-inkjesta.

L-istqarrija tal-Gvern kienet ippubblikata bħala reazzjoni għall-konklużjonijiet bikrija tas-sitt organizazzjonijiet mhux governattivi sejħu. L-organizazzjonijiet ippreżentaw il-konklużjonijiet tagħhom f’konferenza dalgħodu li kienet ippreżentata minn Reporters Without Borders (RSF), il-Committee to Protect Journalists (CPJ), European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF), il-European Federation of Journalists, l-International Press Institute, u PEN International.