Il-Gvern jaqa’ u jqum minn ħajjet in-nies għax ma ħoloqx pjan għat-tniġġis – AD

Read in English.

L-Alternattiva Demokratika qalet li l-fatt li l-Gvern għadu ma ħariġx bi pjan dwar il-kontroll tat-tniġġis huwa konferma li jiġi jaqa’ u jqum mill-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Dan qalitu waqt konferenza stampa f’Birżebbuġa, li kienet dwar it-twissija tal-Kummissjoni Ewropea lill-Gvern Malti peress li dan għadu ma ssottomettiex dan il-pjan nazzjonali fuq it-tniġġis fl-arja.

L-AD qalet li, “Sfortunatament il-Gvern għadu biss wasal sa abbozz ta’ pjan li ħareġ għall-konsultazzjini pubblika. Huwa ta’ għajb li l-Gvern ma jqisx is-suġġett tat-tniġġis bħala importanti. Il-Gvern kellu jissottometti l-pjan sa April tal-2019.”

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali tal-Alternattiva Demokratika sejjaħ l-abbozz tal-pjan għall-kontroll tat-tniġġis dgħajjef għax ma jipproponix miżuri effettivi biex jitnaqqas drastikament it-tniġġis minn gassijiet li jikkawżaw mard respiratorju mill-karozzi. Lil hinn minn dan, saħaq Cassar, il-Gvern qed ikaxkar saqajh.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li l-Alternattiva Demokratika ilha żmien tagħmel proposti biex jissolvew il-problemi tat-tniġġis. Qal li fil-qasam tal-enerġija hemm bżonn li nimxu malajr lejn sorsi ta’ enerġija nadifa, bħar-riħ u x-xemx b’ritmu ħafna iktar mgħaġġel. Tkellem fuq il-ħtieġa li jonqos it-tniġġis minn mezzi tat-trasport bħall-karozzi u l-vapuri.