Inkjesta dwar kif Mercieca spiċċa jirrappreżenta lil Fenech

Read in English.

Il-Gvern ħatar inkjesta dwar rapporti riċenti li żvelaw kif l-avukat Charles Mercieca li kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rreżenja mill-impjieg tiegħu u l-għada beda jirrappreżenta lil Yorgen Fenech.

Fi stqarrija kien spjegat li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ħatar lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi biex imexxi inkjesta indipendenti skont kif tgħid il-Liġi ta’ Malta.

Yorgen Fenech huwa wieħed fost erba’ persuni akkużati b’kompliċita fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia lura fl-2017. Il-familja tal-ġurnalista assassinata kienet kitbet lill-Avukat Ġenerali sabiex jiftaħ investigazzjoni interna wara l-mossa ta’ Mercieca.

Il-Ministru Zammit Lewis ta lill-Imħallef Emeritu sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, 16 ta’ Ġunju 2020, sabiex jikkonkludi l-inkjesta u jirrelata direttament lilu.

L-avukat inkwistjoni huwa Dr Charles Mercieca, avukat żagħżugħ li gradwa sentejn ilu u kien ilu jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għal kważi sentejn. Huwa deher għall-akkużat fil-Qorti biex jitlob li l-klijent tiegħu jinħeles mill-arrest. Fenech qed jagħmel rikors kontra l-Avukat tal-Istat u kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika talli qed jinżamm arrestat.

Stqarrija mibgħuta mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia tgħid li t-tranżizzjoni ta’ Dr Mercieca għal avukat tad-difiża kriminali turi kollużjoni minn qabel bejn it-tim tad-difiża ta’ Fenech, magħmul minn Dr Marion Camilleri u Dr Gianluca Caruana Curran, u prosekutur kriminali fi ħdan l-Uffiċċju tal-AĠ. L-istqarrija tgħid li “l-implikazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-AĠ u għas-sistema tal-ġustizzja kriminali f’Malta li diġà hija dgħajfa huma serji.”

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qal li hemm indikazzjoni li l-avukat Charles Mercieca kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt li kien għadu qed jaħdem fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali. Pieter Omtzigt qal dan f’ittra uffiċjali li bagħat lill-Avukat Ġenerali ta’ Malta u lil rappreżentanti oħra Maltin.

Intant, id-deputat Nazzjonalista David Thake stqarr fil-Parlament li hemm suspetti kbar li kollox kien ippjanat meta l-Avukat Charles Mercieca daħal jaħdem fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Żied jgħid li s-suspett hu li għamel dan biex jikseb informazzjoni li tgħinu biex wara jiddefendi lil Yorgen Fenech li jinsab akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.