Il-Gvern jagħżel il-Magħtab għall-impjant li se jbiddel l-iskart f’enerġija

Il-Gvern għażel il-Magħtab bħala s-sit fejn se jibni l-impjant tal-Waste-to-Energy li mistenni jiswa bejn il-€120 u l-€150 miljun.
Il-Ministru għall-Ambjent Jose’ Herrera ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha semma kif dan l-impjant se jkun qed jipproċessa mal-40% tal-iskart kollu tal-gżejjer Maltin. Saħaq li x-xogħol fuq dan il-proġett se jibda s-sena d-dieħla bil-għan li jitlesta sal-2023.
Il-Ministru Herrera kkwota wkoll siltiet mir-rapport tekniku li tħejja dwar dan l-impjant li mistennija jgħaddu minnu mal-114-il tunnellata ta’ skart u se jkun qed jirkupra mad-69,000 MegaWatt ta’ enerġija fis-sena.
Spjega li ntgħażel is-sit tal-Magħtab għax diġà hemm lesta parti mill-infrastruttura meħtieġa, u se tkun qed tintuża teknoloġija magħrufa bħala ‘moving grate incineration’. Il-Ministru qal li din it-teknoloġija tintuża fil-parti l-kbira ta’ faċilitajiet oħra simili fid-dinja.
Intant il-Ministru Herrera sostna li l-Gvern se jibqa’ għaddej b’diversi inizjattivi ambjentali oħra fosthom it-tnedija ta’ skema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb tal-plastik, metall u ħġieġ, kif ukoll l-estensjoni tal-ġbir tal-iskart organiku għal kull lokalità f’Malta u Għawdex.
Ritratt: DOI – Jason Borg