Il-Gvern jagħti t-termini ta’ riferenza għall-investigazzjoni dwar il-viżas lil Alġerini

Il-Gvern laqa’ l-appell tal-Oppożizzjoni biex issir investigazzjoni dwar il-ħruġ ta’ viżas lil ċittadini Alġerini.
It-tliet membri tal-Gvern fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi kitbu liċ-chairperson Tonio Fenech, fejn tawh it-termini ta’ riferenza għall-investigazzjoni.
Fl-ittra, Owen Bonnici, Edward Zammit Lewis u Chris Agius (ara l-link isfel nett) qed jissuġġerixxu li ssir investigazzjoni dwar irregolaritajiet fil-ħruġ ta’ viżas lil Alġerini, bejn Marzu tas-sena li għaddiet u Settembru ta’ din is-sena, skont artiklu tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u liġi dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
L-Oppożizzjoni saħqet li b’hekk, il-Gvern qed jinsisti li jirrestrinġi l-investigazzjoni u li dan, għall-Partit Nazzjonalista, hu konferma ta’ kemm il-Prim Ministru għandu x’jaħbi f’dan l-iskandlu.
Il-PN saħaq li l-investigazzjoni hi importanti għax il-poplu ħaqqu spjegazzjoni ta’ kif il-Konsolat Malti fl-Alġerija ħareġ kważi 7,000 viża lill-Alġerini f’sena u nofs.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li huwa kundannabbli li ftit jiem wara li l-Oppożizzjoni talbet għal inkjesta mill-Awditur Ġenerali fuq il-mod kif kienu proċessati viżas lill-Alġerini, l-istess Oppożizzjoni terġa' tibdielha u tattakka l-Gvern talli laqa' t-talba tagħha.