Il-Gvern jagħti struzzjonijiet għal investigazzjoni dwar ix-xiri ta’ propjetà fil-Belt

Il-Gvern ħabbar li se tibda investigazzjoni marbuta mat-trasferiment ta’ propjetà fi Triq Żekka, fil-Belt Valletta.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon kiteb lis-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, biex jibda investigazzjoni. Min-naħa tiegħu, Mario Cutajar kiteb lid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet u Awditjar Interni fejn tah struzzjonijiet biex tibda investigazzjoni fuq il-każ.
Il-każ qam ġimgħa ilu meta l-gazzetta The Sunday Times żvelat il-bejgħ ta’ parti minn propjetà lill-Gvern, bi qligħ lil persuna partikolari ta’ iktar minn €1 miljun wara li kien xtraha ftit biss qabel. Il-gazzetta żvelat li l-istess persuna għandha konvenju għal parti oħra mill-propjetà.
Il-Gvern qal li din l-investigazzjoni qed issir minbarra dik li għaddejja mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Spjega li l-passi ttieħdu biex ikun hemm l-iskrutinju meħtieġ li “l-Gvern qal mill-ewwel li jilqa’”.