Il-Gvern jagħti permess li jinħaraq in-nar tal-festi

Il-Ministeru għall-Intern ħabbar li se jingħata permess limitat biex jinħaraq xogħol pirotekniku fil-jiem li normalment tkun iċċelebrata l-festa tal-lokal.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li l-ħsieb wara din id-deċiżjoni kien ibbażat fuq diversi aspetti, primarjament is-sigurtà u l-ħażna fil-kmamar tan-nar. Qal li dan hekk kif ħafna kmamar tan-nar kienu avvanzaw sew fix-xogħol pirotekniku meta ttieħdet id-deċiżjoni li din is-sena ma jsirux il-festi esterni mill-awtoritajiet tal-Knisja.

Il-pulizija se tkun qed tagħti permessi għal ħruq tan-nar f’dawn il-ġranet u l-ħinijiet.

  • Lejliet u nhar il-festa filgħodu u f’nofsinhar.
  • Lejliet il-festa fil-ħin ta’ tranżulazzjoni (għall-ħabta tas-6pm)
  • F’nhar il-festa jingħata permess limitat biex in-nar jinħaraq għal tul ta’ siegħa filgħaxija
  • Mhux se jingħata permess għall-ebda logħob tan-nar tal-art u lanqas għal displays.

Il-Ministeru qal li dan kollu għandu jsir b’rispett lejn l-Avviżi Legali maħruġa biex ikun miġġieled it-tixrid tal-COVID-19 u mhu se jkun ittolerat ebda ksur ta’ liġi. 

Intant, ladarba l-kmamar tan-nar se jkunu qed jaħarqu ferm inqas nar minn dak li jkunu ħadmu għalih, se tkun limitata l-kwota ta’ oxidizer li dawn l-għaqdiet tan-nar jieħdu għas-sena d-dieħla.

Dawn id-deċiżjonijiet kienu meħuda mal-istakeholders involuti u wara konsultazzjoni ma’ esperti fis-suġġetti relatati. Il-Ministeru kompla billi avża bil-quddiem li qed jirriserva d-dritt li jibdel l-pożizzjoni tiegħu skont iċ-ċirkostanzi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn