Il-Gvern jagħti ‘l fuq minn €500,000 lid-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza se tkun qiegħda tibbenefika minn għotja ta’ aktar minn €560,000 f’fondi mill-Operational Assistance Scheme.

Din l-iskema se tkun qiegħda tgħin lid-Dar tal-Providenza sabiex ittaffi ftit mill-ispiża tad-dar marbutin mal-ħaddiema u anke minħabba n-nuqqas ta’ donazzjonijiet li din id-dar irċeviet minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Dawn il-fondi huma parti mill-iskema mħabbra f’Ġunju li għadda bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-gvern.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima qal li l-gvern jirrikonoxxi l-importanza tal-għaqdiet volontarji u l-kontribut li dawn jagħtu lis-soċjetà Maltija. Grima qal li, “Illum il-ġurnata, għandna diversi għaqdiet li jimpjegaw magħhom nies li huma speċjalizzati f’diversi oqsma, xogħol li jikkumplimenta dak li qed jagħmel il-gvern fis-settur soċjali. B’hekk, l-ispiża rikurrenti tagħhom hija konsiderevoli. Għalhekk, permezz ta’ din l-għotja se ngħinu lil din l-għaqda sabiex tkompli topera.” Grima qal li din l-iskema hija l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur volontarjat.

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Volontarjat Noel Camilleri qal li dawn il-fondi ngħataw biex jassistu l-impjegati fis-settur tal-volontarjat.

Matul il-pandemija d-Dar tal-Providenza żiedet fl-ispejjeż biex tissalvagwardja s-saħħa u sigurtà tar-residenti u l-ħaddiema. L-amministratur tad-Dar Nadine Camilleri Cassano qalet li l-pandemija wasslet għat-tnaqqis fid-donazzjonijiet b’mod partikolari mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru mid-Dar tal-Providenza u minn organizzazzjonijiet oħra. Hija żiedet li minkejja dan id-Dar rat li li jkun assigurat li s-servizz mogħti jkun tal-ogħla livell biex ir-residenti tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi u dawk fid-djar tagħha fil-komunità jgħixu fid-dinjità li jixirqilhom.