Il-Gvern jagħti €40,000 għar-rikostruzzjoni tal-Ark ta’ San Publiju

Ir-Rikostruzzjoni tal-Ark ta’ San Publiju li ġie vvandalizzat f’April tal-2019 ser ikun jista’ jitlesta wara li l-Kunsill Malti għall-Arti flimkien mad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali se jagħtu għotja ta’ €40,000. L-Ark qiegħed jiġi maħdum fuq dak oriġinali u storiku li kien maħdum lura fl-1899.

Il-Ministru Herrera qal ukoll li l-Ark ta’ San Publiju kien u huwa parti integrali għall-komunità tal-Furjana u b’hekk permezz ta’ din l-għotja issa ser ikun possibbli li dan l-Ark jitlesta u jerġa’ jitgawda mill-komunità. Bħala parti mill-arranġament għal din l-għotja, id-Direttrorat tar-Restawr ser ikun qiegħed jissorvelja x-xogħlijiet li ser ikunu qegħdin isiru biex b’hekk jiġi żgurat li r-rikostruzzjoni tkun waħda awtentika.

Is-Sur Albert Marshall, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti sostna li hija r-responsabbiltà ewlenija tal-Kunsill Malti għall-Arti li joħloq fondi sabiex jingħataw għal għajnuniet kulturali u artistiċi. Spjega li l-ministeru ħa l-inizjattiva sabiex flimkien mal-lunsill jiddisponu minn fondi sabiex dan il-monument meqrud jiġi rikostruwit għat-tgawdija tan-nazzjon.

Dun Charles Cini, l-Arċipriet tal-Furjana qal li dan huwa avveniment importanti għall-paroċċa għaliex permezz ta’ din l-għajnuna ser ikun jista’ jitlesta dan il-proġett tal-Ark.