Il-Gvern jagħmel u-turn dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi

Il-Gvern jitlob parir legali dwar il-validità ta’ kuntratt ta’ konsulenza li ngħata lil Mizzi

Read in English.

Il-Gvern se jkun qed jirtira l-mozzjoni tal-bieraħ dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi bħala kap tad-delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.

Fi stqarrija kmieni dalgħodu, il-Gvern qal ukoll li talab parir legali dwar il-validità ta’ kuntratt ta’ konsulenza li kien ingħata lill-istess Mizzi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’Diċembru tal-2019.

Skont rapporti fil-media lokali, l-irwol ta’ konsulenza li kellu f’idejh Mizzi kellu ħlas ta’ €6,700 fix-xahar, jiġifieri €80,400 fis-sena. Din is-somma ma tinkludix il-VAT. Hu kellu wkoll karozza bl-ispejjez tagħha kollha mħallsa u xufier. Il-ftehim dwar il-konsulenza huwa validu sa Diċembru tal-2022.

Il-Partit Nazzjonalista talab għat-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt ta’ Mizzi.

Intant, l-NGO Repubblika sostniet li l-qamar il-għasel tal-Prim Ministru Abela jintemm hawn u fid-dawl tal-aħħar żviluppi se tkun qed issejjaħ protesta għada fis-6pm quddiem il-Parlament.

L-istqarrija tal-Gvern tal-lum kompliet tgħid li l-Prim Ministru Robert Abela “se jkompli juri li dan il-Gvern qiegħed jagħti priorità assoluta għal governanza ġusta.” Dan biex il-pajjiż ikun f’pożizzjoni aħjar biex jimplimenta l-ħidma tiegħu barra minn Malta.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne lbieraħ ippreżenta numru ta’ mozzjonijiet biex jimtlew numru ta’ pożizzjonijiet fosthom chairpersons ta’ diversi kumitati parlamentari li ġew vakati wara r-reshuffle tal-kabinett u l-ħatra tal-Prim Ministru Robert Abela. L-ikbar benefiċċjarji ta’ dawn il-pożizzjonijiet kienu l-backbenchers li tħallew barra mill-kabinett.

L-unika nomina li sabet oppożizzjoni mill-Partit Nazzjonalista kienet in-nomina tal-eks ministru Konrad Mizzi.