Mark Camilleri jiskuża ruħu mal-Ministru; titneħħa t-talba għar-riżenja

Aġġornat 11:36 AM

Iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb skuża ruħu mal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana tad-diskors ikkulurit li uża, u din irtirat it-talba tagħha għar-riżenja tiegħu.

Dan wara li lbieraħ, il-Ministeru tal-Edukazzjoni talab lil Camilleri biex jirreżenja wara argument online mal-avukata ta’ Yorgen Fenech, li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Camilleri, li ilu jmexxi l-Kunsill tal-Ktieb għal dawn l-aħħar seba’ snin, ilbieraħ ma wera l-ebda intenzjoni li jirriżenja u kiteb lill-kittieba jgħidilhom li se jlaqqa’ Kungress tal-Kittieba u l-Pubblikaturi b’mod urġenti sabiex jiddeċiedu huma jekk jaħsbux li għandu jkun hemm Kap Eżekuttiv ġdid, permezz ta’ elezzjoni.

Madankollu llum, Camilleri kiteb fuq Twitter fejn spjega li tkellem mal-Ministru dalgħodu u skuża ruħu magħha. It-talba għar-riżenja tiegħu ġiet irtirata, u l-Kungress tal-Kittieba se jkun pospost. Minkejja dan, iċ-Chairman xorta waħda beħsiebu jiftaħ is-sejħa għal Kap tal-Kunsill tal-Ktieb, għax qal li l-kwistjoni trid tissolva darba għal dejjem.

Stqarr li m’għandux dubju li jkun minn ta’ quddiem wara s-sapport li rċieva lbieraħ.

Il-Gvern jagħmel dak li jgħidlu Yorgen Fenech – Repubblika

L-għaqda Repubblika saħqet li t-tkeċċija ta’ Mark Camilleri minn Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hija turija li Yorgen Fenech jikkmanda lill-Gvern – dak li jgħidlu jagħmel Fenech, il-Gvern jagħmlu.

Illum l-għaqda Repubblika ħarġet stqarrija bir-reazzjoni tagħha għal din l-aħbar qalet li t-tkeċċija ta’ Mark Camilleri saret għax Camilleri esprima l-fehma li l-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hi xi ħaġa tajba u meħtieġa.

Skont l-għaqda, dan sar bl-iskuża li Mark Camilleri uża kliem kulurit meta esprima rabja għall-indħil u l-ibbuljar minn Yorgen Fenech. Huma akkużaw lil Fenech li qed iqabbad lill-avukati tiegħu biex jippruvaw ixaħħmu jew jintimidaw lil kull min jgħid li għandha ssir ġustizzja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għaldaqstant, l-NGO saħqet li t-tkeċċija ta’ Camilleri hi inaċċettabbli, meta wieħed jikkunsidra li dan ġieli uża diskors ikkulurit qabel, iżda “il-Gvern fil-fatt ħatar lil Mark Camilleri fil-pożizzjoni li tah preċiżament minħabba l-lingwaġġ li juża u d-determinazzjoni tiegħu li ma jomgħodx kliemu qabel jgħidu.” Insistiet li l-Gvern kien kuntent bl-istil ta’ Camilleri sakemm dan ikkontradixxa lill-Prim Ministru Robert Abela u qal li l-inkjesta pubblika għandha tkompli għaddejja. Repubblika semmiet kif il-Gvern qatt ma keċċa lil nies bħal Jason Micallef, Glenn Bedingfield, Josef Caruana, Neville Gafà, Tony Zarb u oħrajn li ġieli użaw kliem ta’ offiża u pastaż kontra nies li kkritikaw lill-Gvern. “Hu ċar li għall-Gvern kulħadd hu liberu li jaqbel miegħu u li jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu. Iżda fehma kuntrarja tfisser tkeċċija.”

Repubblika ssoktat issemmi kif Justyne Caruana, minkejja r-riżenja tagħha minħabba l-qrubija ta’ żewġha Silvio Valletta lejn Yorgen Fenech, reġgħet saret Ministru. Din illum hija l-Ministru tal-Edukazzjoni u b’hekk jidher li l-ordni għat-tkeċċija ta’ Camilleri ġiet mingħandha. Għalhekk, l-NGO qalet li, “L-aġir ta’ Justyne Caruana, mhux biss hu tal-għaġeb, imma jqajjem is-suspett li wara li għal ftit Yorgen Fenech tilef alleat fil-Gvern, reġa’ sabha komda.”

Min jibża’ mill-inkjesti pubbliċi u mill-verita huwa biss għax ikollu ħafna x’jaħbi. Inkjests pubblika mhijiex hemm biex…

Posted by Mark Camilleri on Wednesday, December 16, 2020

Barra minn hekk, Repubblika semmiet kif il-Gvern ma keċċiex lil Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, James Piscopo, Joseph Cuschieri u oħrajn “minkejja kondotta ferm aktar skandaluża minn ilsien nieqes miz-zokkor.”

Fl-aħħar nett, Repubblika kkonkludiet li dan l-episodju huwa turija tat-twaħħid bejn li jrid Fenech u li jagħmel il-Gvern. “Il-ħakma mafjuża hi soda tassew,” temmet tgħid Repubblika.