“Il-Gvern jaf li l-proġett fiċ-ċentru ta’ Malta mhux long term”

attard-centrallink

Read in English.

Kelliem għall-Attard Residents Environmental Network Stephen Pace qal li anke l-Gvern stess jaf li s-Central Link Project bejn ir-Rabat u Ħ’Attard se jkun qed jindirizza biss il-problemi tat-traffiku fl-immedjat, iżda mhux qed iħares lejn l-aspett ambjentali fit-tul.

Waqt li intervjena fil-programm Newsline fuq RTK 103FM, Stephen Pace spjega kif fl-inħawi minn ħdejn l-MFSA sal-Verdala fir-Rabat, Malta għandha l-akbar pulmun li mhuwiex mittiefes u li issa se jitħarbat b’dan il-proġett.

Fi kliemu, l-ikbar difett huwa li l-proġett Central Link mhu qed isolvi xejn, iżda qed iċaqlaq biss il-problema minn post għall-ieħor.

Qal li anke fil-parlament ipprovat tingħata l-impressjoni li 47 bidwi li se jintlaqtu minn dan il-proġett, huwa numru żgħir meta mqabbel mal-interess nazzjonali.  Semma kif bidwi partikolari se titteħiedlu 53 tomna raba’ filwaqt li se jinqerdu ħames ġwiebi.

Ħabbar li fil-jiem li ġejjin, l-assoċjazzjoni se tkun qed tippubblika rapport tekniku dwar kif għandu jitwettaq dan il-proġett. Qal li ħafna mill-proposti ttieħdu mid-dokument li ħareġ l-istess Gvern sentejn ilu li fost l-oħrajn isemmi kif f’dawn it-toroq irid ikun hemm sistema ferrovjarja.

Fil-programm Newsline, intervjena wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta l-Inġinier Frederick Azzopardi.

Dwar l-użu ta’ art agrikola fil-proġett Central Link, qal li dan ikollu jsir meta ma jkunx hemm alternattiva oħra. Semma kif id-diffikoltajiet tat-traffiku jinbtu fil-postijiet fejn hemm korsija waħda flok tnejn u joħolqu bottlenecks fit-traffiku.

Semma kif is-siġar ta’ Ħal Balzan, li tant qalgħu kontroversja, reġgħu nżergħu fi pjazzetta oħra f’nofs Ħal Balzan dakinhar stess.

Intant iktar tard illejla se ssir dimostrazzjoni fil-Belt Valletta kontra l-proġetti fit-toroq.