​Il-Gvern iwissi kontra kull spekulazzjoni dwar il-mewt taż-żagħżugħ f’Paceville

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne wissa’ kontra kull spekulazzjoni fil-każ tal-mewt taż-żagħżugħ Zach Meli.
Fi stqarrija ministerjali fil-Parlament, Chris Fearne talab għal kawtela peress li l-awtopsja baqgħet ma tefgħatx dawl fuq il-kawża tal-mewt taż-żagħżugħ.
Il-Ministru tas-Saħħa qal li l-Gvern qed jistenna r-riżultat aħħari tal-investigazzjoni u f’dan il-mument għandha tintuża’ l-prudenza peress li l-awtopsja tħalli diversi mistoqsijiet suġġetti għal inkjesta maġisterjali.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ma kellu l-ebda intenzjoni li jieħu gwadann politku minn din il-kwistjoni fl-istess ħin qal li jrid juri tħassib serju dwar iż-żona ta’ Paceville fejn iż-żgħażagħ Maltin qed imorru jiddevertu f’post mhux sigur. Min-naħa tiegħu d-deputat Beppe Fenech Adami qal li s-sitwazzjoni f’Paceville tinsab ħażin ħafna fejn jirrenja kollass totali tal-liġijiet. Huwa qal li l-20 proposta li għamlet l-Oppożizzjoni dwar miżuri ta’ titjib f’Paceville waqgħu f’widnejn torox.
Meta kien qed jirrispondi għal diversi mistoqsijiet li sarulu min-naħa tal-Oppożizzjoni, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li l-kriminalità f’Paceville naqset fl-aħħar snin tant li minn 3,151 reat fl-2013, dawn niżlu għal 1,810 din is-sena.
Huwa attribwixxa dan il-fatt għal aktar preżenza mill-Pulizja f’Paceville, tant li minn 15-il Pulizja matul it-tmien il-ġimgħa, f’Novembru tas-sena l-oħra din żdiedet għal 20 waqt li l-preżenza matul il-ġimgħa tinżel għal 15. Fil-festi, l-Pulizija stazzjonati f’Paceville ikunu 30. Ma’ dawn jiżdiedu wkoll ronda tal-Special Intervention Unit filwaqt li vettura tal-Protezzjoni Ċivili f’4 paramediċi tkun stazzjonata għal li jista’ jinqala’.
Min-naħa tiegħu, fuq mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech, il-Ministru Fearne qal li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jaġġornaw il-listi tagħhom bl-aħħar drogi sintetiċi biex il-pulizija tkun tista’ tieħu azzjoni kontra min jinqabad b’dawn id-drogi.
Iiċ-Ċermen tas-Settur tat-Turiżmu u d-Divertiment tal-GRTU, qal li jinsabu fl-istadji aħħarin tad-diskussjoni mal-Gvern sabiex ikun hemm programm ta’ mmaniġġjar ta’ żoni bħal Paceville, u dan fid-dawl tal-allegat qtil li seħħ ilbieraħ filgħodu.