Il-Gvern iwiegħed €55,000 biex jgħin lir-refuġjati Palestinjani

Il-Gvern Malti wiegħed li jikkontribwixxi €55,000 lill-UNRWA, l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) li toffri għajnuna umanitarja lir-refuġjati Palestinjani, fost oħrajn.
Waqt id-diskors tiegħu f’Konferenza Ministerjali Straordinarja fil-Kwartieri tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, tkellem dwar l-għajnuna li diġà joffri l-pajjiż lir-refuġjati Palestinjani.
Semma l-boroż ta’ studju f’livell ta’ Maġisteru offruti lil refuġjati Palestinjani, fosthom fl-Istudji Diplomatiċi, is-Soluzzjoni tal-Kunflitti, il-Wirt Kulturali u l-Azzjoni Umanitarja.
Il-konferenza li attenda għaliha l-Ministru, Preserving Dignity and Sharing Responsibility – Mobilizing Collective Action for UNRWA, kienet ippreseduta mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Ġordan, l-Iżvezja u l-Eġittu, kif ukoll il-parteċipazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-UN, Antonio Guterres, u r-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin, Federica Mogherini.
Intqal li xogħol l-aġenzija qed isir dejjem aktar importanti, minħabba l-qagħda li qed tiggrava kulma jmur mhux fil-Palestina biss, imma anki fil-Ġordan, l-Iżrael, il-Lebanon u s-Sirja, pajjiżi li fihom hemm eluf u miljuni ta’ Palestinjani maħruba minn pajjiżhom.
Abela temm jgħid li l-pajjiż jirrikonoxxi l-istinkar tal-UNRWA sabiex tassisti, tipproteġi u tmexxi l-kawża tar-refuġjati Palestinjani.