Il-Gvern iwaqqaf kumitat kontra l-bejgħ ta’ karozzi li jniġġsu

Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li sas-sena d-dieħla se jitwaqqaf kumitat bejn il-ministeru li jaqa' taħtu u l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, sabiex jitrażżan l-użu tal-karozzi li jniġġsu.
Fi stqarrija, il-Ministru Herrera spjega li l-mezzi tat-trasport huma l-ikbar sors ta’ tniġġis fl-ajru f’Malta, u għalhekk sostna li wasal iż-żmien li Malta taħdem iktar bis-sħiħ lejn il-qalba għall-karozzi elettriċi.
Kompla jgħid li l-kumitat il-ġdid se jgħin lill-Gvern jiddetermina mira konkreta mil-liema sena se jibda jiġi projbit il-bejgħ ta’ vetturi li jaħdmu b’magna tradizzjonali magħrufa bħala internal combustion engine.
Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-istrateġija li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew nhar il-Ħamis li għadda, favur il-bidla għal vetturi li ma jniġġżux.
Waqt il-konferenza COP23 li għaddejja bħalissa f’Bonn, il-Ġermanja, il-Ministru Herrera spjega li bħalma l-Gvern Malti indirizza l-isfida marbuta mal-ġenerazzjoni tal-enerġija, hekk ukoll se jkun qed jindirizza l-isfida tal-użu tal-karozzi li jniġġsu.
Il-Ministru Herrera tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli tiġġieled it-tibdil tal-klima u tnaqqas l-emissjonijiet b’effett serra flimkien mal-pajjiżi l-oħra, minkejja ċ-ċokon tagħha.