“Il-Gvern ivvota kontra diskussjoni pubblika u trasparenti” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li membri tal-Gvern ivvutaw kontra diskussjoni pubblika u trasparenti fil-Kumitat dwar l-Ambjent.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista (PN) spjega kif ilbieraħ filgħaxija d-deputati tiegħu għamlu talba biex il-Kumitat jiddiskuti d-deċiżjoni tal-Gvern li jibni impjant ġdid li fih ikun ipproċessat l-iskart u li minnu se tkun iġġenerata l-enerġija.
Il-partit stqarr li Alex Muscat, Roderick Galdes, u Clint Camilleri min-naħa tal-Gvern, għamlu oppożizzjoni sħiħa għat-talba li tressqet mill-Oppożizzjoni u li baqgħu jistaħbew wara l-kumitat tekniku li l-Gvern waqqaf ftit tal-ġimgħat ilu.
Wara dan, l-Oppożizzjoni pproponiet li l-Kumitat dwar l-Ambjent għandu f’dan l-istadju jibda billi jisma’ lill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera u lill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ. Talbu wkoll biex jiġu ppreżentati l-istudji kollha li saru dwar dan is-settur.
Skont il-PN, il-Membri Parlamentari tal-Gvern qalu li r-rapporti huma diġà pubbliċi iżda meta ffaċċjati bil-fatt li l-Gvern kien qed jirrifjuta li jippubblikahom, bdew jagħmlu oppożizzjoni sħiħa għal din it-talba.
L-Oppożizzjoni mbagħad talbet li jittieħed vot biex issir diskussjoni pubblika. Il-PN stqarr li l-Membri tal-Gvern ivvutaw kontra din il-mozzjoni.
Fl-istqarrija tal-Oppożizzjoni, hi qalet li tqis l-attitudni tal-Gvern bħala waħda negattiva u ntiża biss biex iżżomm moħbija l-pjanijiet tal-Gvern f’dan is-settur tant kruċjali. Għamlet appell biex l-istudji jiġu ppubblikati b’mod immedjat mill-Gvern.
Il-PN temm jgħid li lest jgħin lill-Gvern, imma dan irid jieqaf iwebbes rasu.