Il-Gvern isostni li l-PN ibbojkottja r-riforma fl-infurzar lokali

Il-Ministeru għall-Gvern Lokali sostna fi stqarrija li f’għeluq il-100 ġurnata mit-twaqqif tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA), il-Partit Nazzjonalista għażel li jibbojkottja attività li fejn ingħata rendikont tax-xogħol li sar.
L-istqarrija tal-Ministeru ssostni li l-Gvern wiret sitwazzjoni mwegħra fil-qasam tal-infurzar lokali u li f’dawn l-ewwel 100 jum ġie rreġistrat titjib, bi gwardjani li huma għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
Il-Ministeru saħaq li s-servizz qed isir aktar effiċjenti, b’sistema ta’ customer care u inqas żmien ta’ stennija biex jiġu proċessati l-petizzjonijiet, li qed iġġib tibdil fil-mentalità b’enfasi fuq iċ-ċitazzjonijiet.
L-istqarrija tgħid li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jwettaq il-bidla, f’konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali u l-partijiet kollha li jridu jaraw titjib.