Il-Gvern isejjaħ lura lill-Ambaxxatur Malti fir-Russja

Il-Gvern qal li sejjaħ lil Carmel Brincat, l-Ambaxxatur Malti fir-Russja, lura Malta bħala att ta’ solidarjetà mar-Renju Unit wara l-avvelenament ta’ eksspija Russu ftit tal-jiem ilu.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, l-attakk fuq Sergei Skripal u bintu ġie kkundannat bil-qawwa kollha, u l-Gvern żied jgħid li jaqbel mat-teżi tar-Renju Unit, li l-Gvern Russu kien wara dan l-attentat.
Sergei u bintu Yulia Skripal instabu mitlufin minn sensihom f’Salisbury fl-4 ta’ Marzu li għaddew, wara li ġew f’kuntatt ma’ kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.
Minn dakinhar huma għadhom l-isptar f’kundizzjoni serja, u r-Renju Unit qed iwaħħal fir-Russja li ppruvat toqtol lil dan l-eksspija.
Madankollu r-Russja dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.
Jidher li l-Gvern Malti bidel fehemtu, hekk kif it-Tnejn li għaddew kien qal li mhux beħsiebu jirtira ebda diplomatiċi mir-Russja, minħabba li l-missjoni hemmhekk tant hi żgħira li jekk jissejħu lura xi nies, prattikament il-missjoni tintemm.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Brincat se jiġi Malta għal konsultazzjonijiet politiċi.
Fir-ritratt: Sergei Skripal u bintu Yulia Skripal